530 ħaddiem se jmorru lura f’pajjiżhom għax tilfu xogħolhom – Il-Ministru

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla l-Gvern se jgħin lil 530 persuna barranija jintbagħtu lura pajjiżhom peress li tilfu xogħolhom minħabba l-coronavirus.

Fuq Facebook dalgħodu, il-Ministru spjega li 300 minn dawn huma Indjani u l-230 persuna oħra huma Kolombjani.

Huwa ta d-dettalji tal-ħaddiema barranin kollha li marru lura f’pajjiżhom minn meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus, peress li din ħolqot problemi finanzjarji li wasslu biex ħafna persuni jitilfu xogħolhom.

S’issa l-Gvern bagħat lil 1,998 persuna lura. L-akbar grupp minnhom kien ġej mill-Italja. Marru lura:

  • 633 Taljan: 404 qabdu l-katamaran u 229 marru bl-ajruplan;
  • 282 Serb;
  • 260 Albaniż;
  • 211-il Kolombjan;
  • 131 Spanjol;
  • 97 Franċiż;
  • 76 Bulgaru;
  • 41 Maċedonjan;
  • 32 Ingliż;
  • 29 Grieg;
  • 25 Pollakk;
  • 21 Tork.

Il-Ministru rringrazzja lil dawn il-ħaddiema li kkontribwew għall-ekonomija Maltija, u qal li l-Gvern qed jirringrazzjahom ta’ xogħolhom billi jgħinhom fl-ispejjeż biex imorru lura f’pajjiżhom.

Apparti dawn, jonqos aktar persuni li applikaw għall-iskema. Il-Ministru Bartolo żied jgħid li b’kollox applikaw 2,269 adult minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li magħhom għandhom 350 tifel u tifla. Applikaw 3,131 persuna minn barra l-Unjoni Ewropea, li magħhom għandhom 306 itfal.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn