“53 sena fil-klawsura u ma ddejjaqtx”

Il-Badessa tas-sorijiet ta’ ħdejn Paceville

Facebook

Joqogħdu kważi bieb u għatba ma’ Paceville, iżda qatt ma jmorru hemm.

Meta jisimgħu lin-nies igergru għax qegħdin kwarantina d-dar u ma jistgħux joħorġu jiskantaw. Huma qatt ma joħorġu. Dejjem kwarantina… u kuntenti.

Klawsura iżda jsegwu dak li qed jiġri fid-dinja għax jinteressahom dak li qed jiġri fid-dinja. Jinteressawhom in-nies u l-ħtiġijiet tagħhom.

Għandhom Facebook u jaqraw Newsbook. Għandhom ukoll sett tat-televiżjoni.

Għal min għadu ma ndunax qed nikteb dwar is-sorijiet Klarissi ta’ San Ġiljan.

“Qegħdin hawn għad-dinja”

“Aħna qegħdin hawn għad-dinja. Ngħaddu ħin twil fit-talb biex nieħdu l-qawwa li ninfiltrawha fid-dinja. … In-nies u l-Knisja qegħdin f’qalbna. Santa Klara tgħidilna biex inkunu l-għajnuna tal-membri dgħajfa tal-umanità kollha. Min m’għandux bżonn l-għajnuna?”

Hekk qaltli Swor Rose Therese Ellis, Badessa tas-Sorijiet Klarissi f’San Ġiljan meta intervistajtha permezz tat-telefown xi jiem ilu. Darbtejn kont għamilt programmi għat-TV u għar-radju iżda llum żmien il-coronavirus ikollna nużaw it-telefown.

“Ilni 53 sena klawsura”, qaltli Sr Rose Therese li għandha 72 sena u hija Għawdxija.

“Mela ilek kwarantina”, għedtilha b’ċajta. “Hekk hu”, qaltli b’daħka.

“53 sena, għomor ta’ bniedem”, għedtilha.

Reġgħet daħket u wieġbet: “Kieku kelli nitwieled mill-ġdid nerġa’ nagħżel din il-ħajja”.

Litanija ta’ kreattività u xogħol

Għidli min intom, waħda waħda? Staqsejtha.

“Qegħdin 19”, qaltli. Kont sorpriż għax hawn kunventi li għandhom tlieta jew erbgħa.

Bdiet bi Christine ta’ 32 sena. “Very promising. Għadha kif daħlet”. Imbagħad marret għan-naħa l-oħra tal-iskala tal-etajiet:

“Mary Claire għandha 89 sena. Qiegħda fl-infermerija. Tieħu ħsiebha sister minn tagħna”.

Kompliet issemmili s-sorijiet waħda waħda. Isimhom u x’jagħmlu. Sirt naf li għandhom anke dar Għawdex. Sirt naf illi hemm tlieta minnhom li joħorġu barra l-kunvent  għax-xiri u bżonnijiet oħra.

“Dawn jidħlu magħna iżda ma jeħdux il-vot tal-klawsura. Hekk riedet Santa Klara li kienet mara prattika ħafna”.

Semmiethom waħda waħda. Litanija ta’ xogħlijiet, etajiet, postijiet differenti minn Malta u Għawdex, talenti, ħidma fil-komunità u kreattività.

Il-madre ssib xi ħaġa pożittiva x’tgħid fuq kull waħda mis-sorijiet.

“Naħseb ġieli jkollkom xi tgħidu bejnietkom?”,  staqsejt bi ftit sens ta’ tinbix f’leħni.

Ma ġabitx skużi.

Kont għadni ma qrajtx l-intervista li l-Papa għamel ma’ The Tablet fejn qal li anke hu jkollu l-ħinijiet tal-egoiżmu tiegħu u jqerr kull nhar ta’ Tlieta, għax kieku kont ngħidilha.

“U mela ma jkollniex. U mela ma jkollniex”, qaltli b’daħka. “Aħna nisa. Imma ħa ngħidlek minħabba l-ħajja tagħna tat-talb malajr nindunaw u nirranġaw. Fil-bidu tal-kumpieta (talb ta’ għeluq il-jum) nitolbu maħfra lil min inkunu nqasnieh. Kemm jista’ jkun nimxu fi spirtu ta’ aħwa. Dak hu l-Vanġelu after all, l-imħabba”.

Facebook u klawsura?

“Kif qegħdin fuq il-Facebook”, għedtilha. “Ftit stramba, hux?”

“Meta ġejt biex nieħu d-deċiżjoni domt naħsibha”, qaltli.

Iżda biex mill-ewwel tneħħi l-impressjoni li kull soru tqatta’ l-ħin kollu tippowstja l-kummenti żiedet:

“Tieħu ħsiebu sister waħda biss u tiġi tgħidilna affarijiet importanti. Infakkarha biex ma toqgħodx tara mbarazz. Hija tassigurani li ma toqgħodx taħli l-ħin. Nużaw il-Facebook anke biex inħabbru x’qed nagħmlu.”

“Jien nara Newsbook”. Ma stajtx ħlief napprova.

Il-power station tal-Knisja

Meta spjegatli biex jgħaddu l-ġurnata Sr Rose Therese, kif mistenni, semmiet ħinijiet twal ta’ talb. Minn hemm iġibu l-qawwa tagħhom. Hemmhekk jinterċedu għall-bżonnijiet tan-nies li jiktbulhom bil-bżonnijiet tagħhom.

“Bħalissa jiktbulna ħafna minħabba l-Covid-19. Dan il-virus huwa mqareb ħafna”, qaltli.

“Intom qiskom il-power station tal-Knisja”, għedtilha jien.

“Nittamaw almenu”, weġbitni.

Min jixtieq li s-sorijiet jitolbu għalih jista’ jidħol fil-paġna tagħhom tal-Facebook – Klarissi Sisters Malta – jew jibgħatilhom imejl santaklara11@gmail.com