524 tabib kontra l-iffriżar tal-embrijuni

524 tabib, li jinkludu 98 konsulent u aktar minn 100 tabib tal-familja iffirmaw dikjarazzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijuni li ġiet ippreżentata lill-Ministru Chris Fearne.
Fi stqarrija mid-Doctors for Life, intqal kif id-dikjarazzjoni favur il-ħajja mhix kontra koppji infertili li jridu jagħmlu użu mill-IVF, imma topponi l-iffriżar tal-embrijuni bħala parti mir-rutina tal-IVF.
Id-dokument li ffirmaw jgħid li mal-fertilizazzjoni, ħajja umana ġdida tiġi fformata, b’identità ġenetika unika u kompluta, differenti mill-ġenituri.
Spjegaw li kull ħjiel ta’ ħajja uman, għandu jingħata ċ-ċans li jiżviluppa malli jifforma, mingħajr ma jitwaqqaf sakemm mhux b’mod naturali bit-twelid jew f’każ ta’ korriment.
Irrimarkaw li huma jikkunsidraw ukoll ċirkustanzi straordinarji meta jkun hemm bżonn intervent mediku f’każ li ħajjet l-omm tkun f’periklu. Intervent li jista’ jwassal li bih tintilef it-tarbija.
Fl-istqarrija spjegaw li l-għadd kbir ta’ professjonisti li ffirmaw jemmnu li l-embrijun huwa ħajja umana li għandha d-dritt li tingħata l-opportunità li tiżviluppa b’mod sħiħ.
Esprimew li hemm bżonn li dawk kollha involuti jmantnu l-prattiċi etiċi li jonoraw ir-regola “ibda billi ma tagħmilx ħsara”.
Talbu sabiex dawk it-tobba li jixtiequ jżidu isimhom mal-lista ta’ firem jibgħatu imejl fuq doctorsforlifemalta@gmail.com.
Aqra d-dokument sħiħ hawn taħt