52,000 pazjent tal-prostata se jingħataw mediċina b’xejn

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fi żmien sitt xhur 52,000 pazjent tal-prostata se jkunu qed jibbenefikaw minn mediċini b’xejn, bi spiża ta’ €5.3 miljun .

Minn dawn, 15,000 se jingħataw dan il-benefiċċju mill-bidu ta’ Ottubru. Sal-lum il-mard tal-
prostata ma kienx inkluż mal-lista ta’ kundizzjonijiet kroniċi li għalihom tingħata l-mediċina b’xejn iżda issa, wara li saru emendi legali, pazjenti bi problema fil-prostata se jibdew jibbenefikaw minn mediċini b’xejn.

Fearne ħabbar dan waqt żjara fid- Dipartiment tal-Uroloġija fl-Isptar Mater Dei.

“Matul is-sitt xhur li ġejjin żewġ mediċini ġodda oħra għall-prostata se jiddaħħlu fuq il-Formularju tal-Gvern. B’hekk, b’kollox, se jkunu qed jibbenefikaw madwar 52,000 ruħ. Nikkalkulaw li meta dan il-proġett jiġi fi tmiemu bid-dħul tal-mediċini ġodda kollha, pazjent b’kundizzjoni fil-prostata se jkun qed jiffranka madwar €400 fis-sena,” qal Fearne.

Il-benign prostate enlargement (prostata kbira) hi kundizzjoni li tolqot numru kbir ta’ rġiel. F’Malta u f’Għawdex hu kkalkulat li hawn madwar 52,000 ruħ affettwati minn din il-kundizzjoni u kollha jkollhom bżonn xi forma ta’ trattament. Hu stmat li madwar 50% tal-irġiel ikunu diġà sofrew bi problemi fil-prostata sakemm jilħqu l-età ta’ 50 sena, bil-persentaġġ jitla’ għal 75% tal-irġiel sakemm jilħqu l-età ta’ 80 sena. Bejn 40 u 50% ta’ dawn il-każijiet il-problema fil-prostata tkun klinikament sinifikanti. Meta tqis l-etajiet imsemmijin ifisser ukoll li ħafna mill-irġiel b’kundizzjoni fil-prostata huma wkoll pensjonanti.