Filmat: “520 sit ta’ kostruzzjoni li juru li l-liġi l-ġdida hi tajba” – Ian Borg

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li hu infurmat li hemm madwar 520 sit ta’ kostruzzjoni li fihom il-periti qed japplikaw ir-regolamenti l-ġodda kif maħruġa mill-Gvern, u dan juri li l-liġi kienet waħda tajba u li qed taħdem.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru qal li hemm iżjed minn 60 rapport li diġà ġie aġġornat minn mindu ħarġu r-regolamenti ġodda. Qal li f’madwar 520 sit tal-kostruzzjoni, il-periti qed japplikaw ir-regolamenti l-ġodda u b’hekk, ix-xogħol tkompla għax m’hemmx periklu peress li qed jiġu aġġornati id-dikjarazzjoni tal-metodu.

 

Fil-konferenza, kien hemm preżentazzjoni teknika ta’ kif jistgħu jintużaw aħjar ċerti provedimenti tar-regolamenti, peress li fi kliem il-Ministru, l-Awtorità u l-Gvern iħossu li jkun iżjed utli jekk ikun hemm xi gwida għall-periti biex jaħdmu biha fil-każ ta’ eżenzjonijiet peress li xi periti bdew isibuha diffiċli. Huwa qal li l-periti jistgħu jiksbu eżenzjonijiet f’każijiet partikolari, anke meta l-proġett ikun f’fażi avvanzata, pereżempju billi jdaħħlu dikjarazzjoni li tgħid li x-xogħlijiet mhumiex skont ir-riforma, u permezz t’hekk, jitkomplew ix-xogħlijiet mingħajr il-ħtiġiet il-ġodda. Dawn jiġu deċiżi mill-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Bini (BRO).

Qal li dalgħodu stess kellhom laqgħa twila mal-perioti fejn ġew iċċarati xi affarijiet peress li ma bdewx jifhmu lil xulxin. Madankollu, ma ntlaħaqx qbil fuq xi affarijiet u l-Ministru qed jistenna li jiġi ppreżentat b’rapport dwar dan.

Il-Ministru faħħar il-fatt li dawn ir-regolamenti huma integrati mas-sistema tal-Awtorità tal-Ippjanar billi d-dikjarazzjonijiet tal-metodu u r-rapporti tal-kundizzjoni huma online għal iżjed trasparenza, u peress li hekk kulħadd jista’ jikkummenta dwarhom. Qal li din kienet waħda mill-iżjed bidliet importanti. Borg semma wkoll li r-regolamenti taw ċans lill-bennejja jirregolarizzaw il-ħlasijiet tagħhom u permezz t’hekk, għexieren ta’ bennejja qed jagħmluha.