52% tal-poplu Ingliż mhux ilaħħaq mal-kontijiet

Aktar minn nofs il-poplu Ingliż qed isibha diffiċli biex ilaħħaq mal-kontijiet u li jħallas id-dejn. Stħarriġ dwar il-finanzi li sar fir-Renju Unit fost 5,000 persuna juri li 52% qed jaffaċċjaw problema kontinwa biex ilaħħqu mal-kontijiet u dan meta mqabbel ma’ 35% fi studju simili li sar fl-2006.

Hu mifhum li 66% tal-poplu fl-Irlanda ta’ Fuq ukoll qed isibha diffiċli hekk kif il-kriżi finanzjarja waslet biex ikunu anqas dawk li jippjanaw fit-tul u jfaddlu għal xi każi ta’ emerġenza.

Rapporti sostnew li fil-jiem qabel mal-impjegati jingħataw il-paga, dawn jibdew jonfqu mill-muniti li jkollhom, hekk kif il-karti tal-flus ikunu diġa spiċċawlhom. L-istudju juri wkoll li l-kriżi bankarja u dik finanzjarja waslu sabiex in-nies iħarsu b’mod differenti dwar kif għandhom jużaw flushom.