52% tal-Maltin jonfqu €11 fil-ġimgħa fil-logħob

Madwar 52.8% tal-popolazzjoni Maltija minn 18-il sena ‘l fuq huma stamti li nefqu medja ta’ €11.30 fil-ġimgħa fuq attività marbuta mal-logħob fl-2017. Dan qalu l-Ekonomista Gordon Cordina waqt li kien qed spjega l-punti ewlenin li ħarġu mill-istħarriġ dwar l-użu marbut ma’ servizzi tal-logħob fost residenti Maltin.

Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali intqal li saret il-preżentazzjoni tal-istħarriġ. Mill-istħarriġ ħareġ li l-logħob marbut ma’ lotteriji nazzjonali jibqa’ fost l-iktar popolari, 1%-2% tal-populazzjoni li lagħbu bil-flus irrappurtaw li l-logħob affettwalhom l-istil tal-ħajja.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li “l-istħarriġ iħares lejn diversi aspetti; minn kemm jonfoq individwu kull ġimgħa, il-medja ta’ ħin li wieħed iqatta’ f’attivitajiet tal-logħob u ż-żieda fl-użu ta’ servizzi relatati mal-logħob.” Spjega li fix-xhur li ġejjin il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli se tintensifika l-ħidma tagħha permezz tal-programm Take Action iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew immirat li jħarreġ ħaddiema soċjali, kif ukoll se ssir riċerka fost il-vittmi tal-logħob.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għal-Logħob Heathcliff Farrugia qal li l-istħarriġ wera li fl-aħħar sentejn ma kien hemm ebda żieda fil-persentaġġi ta’ persuni kkunsidrati li għandhom problema tal-logħob.

Spunti oħrajn li ħarġu mill-istħarriġ huma:

  • Il-logħob marbut mal-lotterija nazzjonali jibqgħu fost l-iktar popolari tant li hawn isseħħ it-73% tal-ispiża fuq attivitajiet tal-logħob f’Malta.
  • Il-proporzjon tal-populazzjoni li tuża l-logħob li hu aċċessibbli b’xejn hu madwar 47.2%.
  • Il-ħin medju li individwi li jkunu qed jilagħbu u jqattgħu fuq attivitajiet marbuta mal-logħob hu stmat li hu madwar 33 minuta fil-ġimgħa; aktar minn nofs il-persuni li jilagħbu u jqattgħu iktar minn 10 minuti jilagħbu fil-ġimgħa u dan jirrifletti l-ammont qawwi ta’ persuni involuti fil-logħob tal-lotterija nazzjonali.
  • Il-persuni li l-iżjed huma midħla tal-logħob huma adulti żgħażagħ jew ċittadini kbar fl-età li għandhom edukazzjoni fl-livell sekondarju. Dawn huma l-inqas li jistgħu jkunu mingħajr xogħol, ħaddiema part-time jew studenti.
  • L-ammont tal-popolazzjoni li rrappurtat li meta użat servizz marbut ma’ logħob bi flus dan kellu effett ħażin fuq il-ħajja tagħha kien ta’ bejn 1% u 2% (ammont li jvarja bejn 1,900 u 3,800 persuna). Ir-riżultati tal-istudju jindika li problemi assoċjati ma’ logħob huma simili għar-riżultati tal-2015.