52% jemmnu li Malta se tibqa’ tattira investiment ġdid matul it-3 snin li ġejjin

Matul il-konferenza nazzjonali tal-Ernst & Young dwar l-investiment f’Malta tressaq stħarriġ li juri kif 52% tal-investituri barranin iqisu li Malta se jibqa’ pajjiż li jattira l-investiment matul it-tliet snin li ġej.
79% tal-investituri barranin f’Malta għadhom qed jaraw lil pajjiżna bħala post ideali għall-investiment.
Għaldaqstant, dan juri tnaqqis mill-91% tal-istħarriġ ta’ tliet snin ilu.
Ir-riżultat tal-istħarriġ juri wkoll li l-inċertezza kibret minn 3% għal 9% bejn l-2012 u l-2013 għal 9% u 15% fl-2013 u l-2014.
Fis-setturi ekonomiċi, l-iktar li hemm perċezzjoni pożittiva hija fis-settur bankarju fejn 100% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ iqisu li Malta hija destinazzjoni ideali għall-investiment.
Il-maġġoranza jemmnu li dawn is-setturi se jibqgħu jattiraw investiment barrani matul it-tliet snin li ġejjin.
Mhux tal-istess fehma fis-settur tal-manifattura, b’56% jinsabu pożittivi u 19% iqisu li m’hemmx lok għal investiment ġdid barrani.
23% biss tal-operaturi fis-settur tal-manifattura jinsabu kunfidenti fl-investiment għat-tliet snin li ġejjin.
Setturi oħra bħalma huma l-ICT u l-iGaming qed jindikaw li mhux qed isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa għas-settur.
L-istħarriġ ta’ Ernst & Young juri li 56% tal-investituri qed jippjanaw li jkabbru l-ħidma tagħhom matul is-sena d-dieħla.
26% qalu li m’għandhomx ħsieb li jkabbru. 2% wieġbu li sa’ għaxar snin oħra mhux se jibqgħu joperaw minn Malta filwaqt li 39% mhux ċerti.