52 immigrant ifittxu lill-Gvern bil-Qorti

MHSE

Read in English.

Grupp ta’ 52 persuna li qed ifittxu l-ażil qed ifittxu lill-Gvern bil-Qorti wara li dan bagħathom lura l-Libja fi żmien l-Għid. L-għan għar-rikors tagħhom huwa biex jingħataw applikazzjonijiet għall-ażil.

Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Paul Borg Olivier u Eve Borg Costanzi, u fost dawk li qed iressquh hemm il-qraba ta’ żewġ individwi li kienu tilfu ħajjithom f’dak l-episodju.

X’kien ġara eżatt?

F’April li għadda, grupp ta’ immigranti kien f’periklu fuq dgħajsa fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija qabel ma ġew trasferiti għal fuq dgħajsa tas-sajf li ħadithom lura l-Libja. Wara li faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus f’Malta, il-Gvern iddikjara li se jagħlaq il-portijiet u li ma jistax jiggarantixxi li se jsalva l-ħajjiet li jkunu f’periklu fil-Baħar Mediterran.

Id-dgħajsa li kienu fuqha dawn l-immigranti kienet intlemħet minn ajruplan ta’ Frontex fil-11 t’April. Il-grupp tħalla tal-anqas tlett ijiem fil-baħar mingħajr ma ngħata l-ebda għajnuna. Id-dgħajsa tas-sajd Dar al Salaam 1 imbagħad tqabbdet tieħu lill-immigranti abbord biex imbagħad toħodhom lura l-Libja.

Sakemm ġew salvati, laħqu mietu wħud minnhom, fosthom Mogos Tesfamichael Welday u Filimon Menhsteab Ghebremedhi. Il-qraba ta’ dawn fetħu każ kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Brigadier Jeffrey Curmi.

Xi jridu l-kwerelanti?

L-avukati argumentaw li bħala aġent tal-Gvern, id-dgħajsa Dar Al Salaam kellha d-dover li ma tirritornahomx f’pajjiż fejn se jiġu ppersegwitati. Skont l-avukati, dan sar bi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea fuq id-Drittijiet Umani.

Dawk li ttieħdu lura l-Libja ġew arrestati u kienu suġġetti għat-tortura u għal trattament degradanti.

Fl-applikazzjoni tagħhom, huma talbu lill-Qorti tiddikjara li Malta kisret diversi drittijiet umani tal-persuni li jfittxu l-ażil, kemm taħt il-Kostituzzjoni, kif ukoll taħt il-liġi Ewropea. Talbu lill-Qorti tippermettilhom jagħmlu t-talbiet tagħhom tal-ażil skont il-liġijiet internazzjonali, Ewropej u Maltin.

Il-persuni li qed iressqu dan ir-rikors huma: Yonas Rezene Gebremicel, Merhawi Germay Asgedom, Mogos Yohannes Mered, Haji Nesredin,Teklu Seum, Aliksander Germay Yemane, Takhlit Shesai Garamadin, Tsega Efrem Kebrom, Diana Mahari Areyya, Salam Mahari Tawledai, Rahwa Hakous Youhans, Welday Habte, Abiel Yohanes, Tarik Teweldbrhan, Wehabezgie Weldu, Efrem Habtu, Hamed Ker Mehamed Ker, Gyotom Mehrtab, Roha Gabri, Abdu Mahmud, Filmon Gebrezgabher, Yassin Adem, Medhani Fetsum, Yemani Gabremiskal,Mogos Fesahatsen, Ayoub Barakhtab, Marhoi Abrahim, Hainok Zaret, Saead Alaminy, Mekele Germay, Dejan Negos, Fatsu Makeyal, Merhawi Nagasi, Robil Fishaha, Sadal Hishi Kidano, Filimon Rezene,Walde Zorob, Hagus Yemani, Younatan Awagargesh, John Gany Dar Jiech, Gai Riak Jith, Abraham Puok Deng, Chuol Nhial Jieng, Gatwech Ruot Nyachon, Karash Yasser Ibrahim, Wal Kuol Bok, Alisa Nyakuol, Maria Philter Gatkuos, Gaiek Gatkuoth Tang, u Nourin Ahmed Adam.

Il-każ huwa ssapportjat u mogħti l-fondi mill-NGO Repubblika. Min jixtieq jagħmel donazzjoni biex jgħin din il-kawża jista’ jagħmel dan mis-sit elettroniku tal-NGO.