17 imħarrka dalgħodu mill-Pulizija; 2 taħt l-effett tal-alkoħol

Aġġornat 11:10 AM
Arkivji

Read in English.

Propju kmieni dalgħodu, komplew l-ispezzjonijiet tat-traffiku madwar Malta mill-Pulizija.

Waqt dawn il-kontrolli ġew spezzjonati numru ta’ vetturi u ġew imħarrka 17-il persuna oħra minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan perikoluż, sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurta, sewqan mingħajr liċenzja valida, vetturi bit-tinted glass u tnejn instabu li qed issuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol. Dan fost diversi ksur ta’ regolamenti
oħra.

Xufier minnhom ipprova jaħrab meta ġie ordnat biex jieqaf imma twaqqaf ftit wara permezz t’azzjoni immedjata mill-Pulizija.

52 imħarrka matul il-lejl; “ħadd taħt l-effett tal-alkoħol”

Filwaqt li l-Pulizija spjegat li matul il-lejl li għadda ġew imħarrka 52 persuna, qalet li l-ebda persuna minnhom ma kienet taħt l-effett tal-alkoħol.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li matul il-lejl li għadda, membri mis-sezzjoni tat-Traffiku flimkien mal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb, wettqu diversi kontrolli fit-toroq Maltin. Il-kontroll saru fil-Furjana, Ħ’Attard, tas-Sliema, Burmarrad, San Ġiljan, is-Swieqi, ir-Rabat, iż-Żejtun, il-Fgura, San Ġwann u Ħaż-Żabbar. Ġew spezzjonati numru ta’ vetturi u ġew imħarrka 52 persuna.

Dawn ġew imħarrka minħabba ksur ta’ regolamenti differenti tat-traffiku. Dawn jinkludu:

  • sewqan mingħajr liċenzja valida,
  • sewqan mingħajr polza tal-assigurazzjoni,
  • sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà,
  • sewqan b’veloċità eċċesiva,
  • dwal mhux skond il-liġi,
  • użu ta’ mobile waqt is-sewqan,
  • vetturi bit-tinted glass,
  • vetturi mingħajr numru tar-reġistrazzjoni
  • u sewwieqa tat-transport tal-passiġġieri ma kellomx il-permessi meħtieġa minn Transport Malta.

Dan fost diversi ksur ta’ regolamenti oħra.

Il-Pulizija spjegat li waqt dawn l-ispezzjonijiet ma instabet l-ebda persuna li kienet qed issuq taħt l-effett tal-alkoħol.