Soru Maltija fil-missjoni titgħallem il-lingwa ta’ kull raħal li żżur

Madre Ilaria ma' uħud mit-tfal - ħafna minnhom orfni - li qed tieħu ħsieb bħalissa

Bħalissa hawn f’Malta għal vaganza qasir, Suor Ilaria, tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù li ilha taħdem fil-missjoni fil-Pakistan għal dawn l-aħħar 51 sena. Newsbook tkellem magħha dwar il-ħidma u l-esperjenzi tagħha tul dawn is-snin.

Suor Ilaria hi l-akbar, f’familja ta’ ħdax ulied. Hi telqet lejn il-Pakistan meta ħuha ż-żgħir kien għad għandu biss sena u ħutha l-oħra kienu għadhom kollha id-dar jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Hi wieġbet għas-sejħa t’Alla u offrietlu ħajjitha fuq l-eżempju ta’ zijiet tagħha.

Infatti żewġ zijiet tagħha –ħut missierha – huma Sorijiet Agostinjani, filwaqt li żewġ zijiet oħra – ħut ommha, sorijiet tal-Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, l-istesss kongregazzjoni li jiffurmaw parti minnha hi, u oħtha, Sr. Josephine. Dan barra li għandha ziju ieħor, Patri Agostinjan.

L-ewwel post li waslet fih fil-Pakistan kien ir-raħal ta’ Mirpurkas, fil-Kunvent San Mikiel li s-sorijiet Franġiskani Maltin kellhom f’dan il-pajjiż fejn diġa’ kienu preżenti. Ma’ dak il-kunvent is-sorijiet kellhom Skola Sekondarja u magħha kellhom ikoll għadd ta’ “boarders” bniet li Sr. Ilaria kienet responsabbli minnhom.

Il-mewt tal-missier

Wara tliet snin, f’Marzu 1971, ġiet lura Malta biex tagħmel il-professjoni perpetwa fil-komunità. Waqt li kienet f’Malta, miet missierha li kien għad kellu 52 sena.

F’Settembru  tal-istess sena rritornat lejn il-Pakistan għax dik kienet is-sejħa tagħha. Li taħdem fil-missjoni. Din id-darba intbagħtet fir-raħal ta’ Mathli.  Hawnhekk is-sorijiet kellhom hostel li fiha kienu jiġbru tfal foqra jew orfni, kellhom ukoll skola u klinika. Hawnhekk is-sorijiet kien jaqdu lil kull min ifittex l-għajnuna tagħhom fost ħafna ta’ reliġjon Hindu li wħud minnhom aktar tard, bl-għajnuna tas-sorijiet ikkonvertew għar-reliġjon nisranija filwaqt li oħrajn żammew it-twemmin li kellhom.

Xahar wara li kienet ilha f’Mathli, erba’ tfajliet Pakistani urew ix-xewqa li jidħlu fil-komunità tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù. Suor Ilaria kienet responsabbli mill-preparazzjoni tagħhom għal sena sħiħa qabel ġew Malta biex jagħmlu n-novizzjat tagħhom hawnhekk.

Is-soru spjegat li fil-Pakistan huma mitkellma diversi lingwi li jvarjaw minn distrett għall-ieħor. Allura kull darba li tibdel il-kunvent u tmur f’raħal differenti kien ikollha titgħallem il-lingwa għaliex in-nies ma kienux jafu jitkellmu ħlief bil-lingwa tar-raħal tagħhom.

Ħafna nies fil-Pakistan, inkluż nisa, jaħdmu fl-għelieqi u l-ħlas tagħhom mhux fi flus kontanti imma fi prodotti tal-ħidma tagħhom fothom ross u qoton. Hu biss meta jkollhom xi mard fil-familja li s-sid li jħaddimhom jagħtihom flus biex jixtru l-mediċini imma mbagħad inaqqsilhom mill-prodotti li jkollu jagħtihom u ħafna drabi jispiċċaw minn taħt għax jeħdilhom prodotti ferm aktar milli jkun tahom fi flus.

Servizz bla ħlas

Għalhekk ħafna drabi, dawn in-nies jirrikorru għand is-sorijiet biex ifittxu servizz bla ħlas fil-kliniċi tagħhom. Nisa li jkunu waslu biex iwelldu kienu jfittxu ħafna s-servizz tas-sorijiet fi tmiem it-tqala tagħhom.  Kollha nisa fqar.  Kien hemm każi fejn dawn riedu jħallsu lis-sorijiet billi jbiegħu xi baqra żgħira jew nagħġa li kien ikollhom iżda s-sorijiet ma jħallhomx ibiegħu l-ftit li għandhom u jagħtuhom servizz bla ħlas.

Imbagħad, sa Novembru tal-1978, Suor Ilaria flimkien ma’ żewġ sorijiet Pakistani oħra marret taqdi l-missjoni tagħha fil-Punjab. Il-vjaġġ bejn Mathli u l-Punjab hu ta’ 27 siegħa bil-ferrovija. F’post fejn ma kienu jafu lil ħadd għax kien ġdid għall-komunità tal-Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Meta waslu sabu jistennihom lill-Isqof tal-post Mons. Andreotti u xi sorijiet Taljani li kienu jgħinuh. Sr Ilaria hawnhekk inħatret Superjura (Madre).  Għall-bidu, billi ma kellhomx kunvent kienu jgħixu fi tliet kmamar fi skola.  Huma ngħataw ir-responsabbiltà biex imexxu skola li kellha magħha kumpless għal “boarders” kif ukoll klinika fil-qrib.

 

Sadattant bl-għajnuna tal-Isqof tal-post irnexxielhom jiġbru flus biex bnew kunvent ta’ żewġ sulari.  Suor Ilaria, bħala superjura kellha tagħmel ukoll superviżjoni fuq ix-xogħol tal-bini tal-kunvent li nfetaħ f-1980.

Fil-Punjab kienu jmexxu skola primarja għall-200 tifel u tifla mħallta.  Huma ġabru magħhom ukoll madwar 40 tifel, ilkoll orfni u kienu jeħdulhom ħsieb għal kollox, post fejn jorqdu, ikel, iġjene personali, ħwejjeġ u edukazzjoni, fost l-oħrajn.

Wara li nbena l-kunvent, ingħaqdet mal-komunità soru oħra u erba’ tfajliet Pakistani li wkoll riedu jingħaqdu fil-komunità u Madre Ilaria ppreparathom qabel niżlu jagħmlu n-novizzjat f’Malta.

Is-sorijiet issa ngħataw ukoll ir-responsabbiltà għall-Knisja tal-Assunta li kienet tinsab f’villaġġ ‘il bogħod mill-kunvent tagħhom.  Hemmhekk kienu jorganizzaw Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd filwaqt li kienu jżuru l-familji tar-raħal regolarment u jagħmlu magħhom xogħol pastorali.