506 każijiet mis-768 attivi bħalissa nstabu fl-aħħar ġimgħa

face masks
Miguela Xuereb

Read in English.

506 każijiet attivi tal-coronavirus ġew irreġistrati mill-awtoritajiet tas-saħħa bejn it-Tnejn 5 u l-Ħadd 11 t’Ottubru. Dan ifisser li żewġ terzi mis-768 każ attiv bħalissa nstabu fl-aħħar ġimgħa. Waqt dan l-istess perjodu, 209 pazjenti fiequ mill-virus.

Ilbieraħ ġiet irrappurtata t-42 mewta bil-coronavirus, dik ta’ raġel ta’ 67 sena, li kien qed jieħu l-kura fl-Isptar Mater Dei.

Tul il-ġimgħa li għaddiet, il-każijiet żdiedu b’rata allarmanti. L-inqas numru ta’ każijiet kien dak tat-Tlieta, b’47 każ, filwaqt li fl-aħħar tlett ijiem ġew irrappurtati 270 każ.

Il-każijiet ġodda tal-ġimgħa li għaddiet kienu dawn:

  • It-Tnejn: 57 każ
  • It-Tlieta: 47 każ
  • L-Erbgħa: 68 każ
  • Il-Ħamis: 64 każ
  • Il-Ġimgħa: 75 każ
  • Is-Sibt: 100 każ
  • Il-Ħadd: 95 każ

Il-100 każ tas-Sibt kien it-tieni l-ogħla numru ta’ każijiet ġodda f’ġurnata mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn. Ir-rekord intlaħaq fis-16 ta’ Settembru b’106 każijiet.

Nhar il-Ġimgħa, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret li hemm disa’ pazjenti fis-Sala tal-Kura Intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei, megħjuna b’ventilator. Wieħed mill-pazjenti għandu bejn 35 u 39 sena, tnejn għandhom bejn 55 u 59 sena, tlieta bejn 65 u 69 sena, u tlieta oħra bejn 70 u 75 sena.

Mhux magħruf jekk iddaħħlux aktar pazjenti fl-ITU minn dakinhar ‘l hawn, imma stqarrija tal-MAM maħruġa dalgħodu tgħid li kulma jmur, aktar qegħdin jiddaħħlu pazjenti iżgħar fl-isptar b’sintomi serji tal-coronavirus.

Illum il-MAM appellat biex il-Gvern jieħu aktar miżuri biex irażżan l-imxija tal-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.