500,000 biljett għall-Quddiesa tal-Papa fl-Irlanda bbukkjati kollha

Avviż li juri li l-postijiet għall-quddiesa tal-Papa fl-Irlanda huma kollha meħuda

L-organizzaturi tal-Laqgħa Mondjali tal-Familji, li se ssir fl-Irlanda f’Awwissu, ħabbru li l-500,000 biljett għal post fil-Quddiesa tal-Għeluq tal-laqgħa, diġà huma kollha bbukkjati.

Dawn il-biljetti li huma bla ħlas, tpoġġew fuq l-internet biex jinbiegħu fil-25 ta’ Ġunju li għadda.  Wara l-ewwel 24 siegħa, 285,000 minnhom kienu diġà ttieħdu u 24 siegħa wara kienu 400,000 il-postijiet ibbukkjati. Minn dakinhar il-postijiet komplew jiġu bbukkjati kuljum, bl-aħħar postijiet jittieħdu f’dawn il-jiem, f’anqas minn ġimagħtejn minn meta ħarġu għall-bejgħ pubblikament.

Il-Papa kien iddeċieda li l-Laqgħa tal-Familji din is-sena ssir f’Dublin, l-Irlanda, bejn il-21 u s-26 ta’ Awwissu, bit-tema “Il-Vanġelu tal-Familja: Ferħ għad-Dinja.” Dan l-avveniment internazzjonali li jsir kull tliet snin iġib flimkien numru ta’ familji minn madwar id-dinja biex jiċċelebraw, jitolbu u jirriflettu fuq l-importanza taż-żwieġ u l-familja bħala pilastri tal-ħajja, tas-soċjetà u tal-Knisja.

Fr Timothy Bartlett, Segretarju Ġenerali tal-organizzaturi ta’ dan l-avveniment, qal li l-organizzaturi mhumiex sorpriżi bl-interess kbir li hemm għal din il-laqgħa. “Filwaqt li fil-bidu kont xi ftit kawt, issa sorpriż li kull parti tal-laqgħa qed timtela minn sitt ġimgħat qabel l-avveniment, inkluż nofs miljun persuna għall-Quddiesa tal-aħħar. Il-familja hi importanti għalina lkoll. In-nies japprezzaw dak li qed jgħid il-Papa Franġisku dwar il-familja u l-Knisja.”