50,000 tazza tal-plastik inqas mormija mill-impjegati tal-MFSA

Read in English.

Il-maniġment u l-impjegati tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta qed juru impenn kontinwu lejn prattiċi favur l-ambjent, fosthom bl-inizjattiva Think Green u bl-użu ta’ tazzi tal-ħġieġ minflok tal-plastik.

Saru diversi bidliet strutturali, fosthom bl-installazzjoni ta’ 168 pannell fotovoltajku fuq is-saqaf, finanzjati minn fondi Ewropej, li permezz tagħhom qed jiġġeneraw 10% tal-enerġija kkunsmata. Ġew ukoll installati chillers li jeħlu anqas enerġija, dawl LED u apparat teknoloġiku bħal kompjuters u printers li jikkunsmaw inqas. L-impjegati tal-MFSA qed jużaw ukoll karti riċiklati għall-istampar ta’ dokumenti.

L-inizjattiva Think Green tinkludi bidliet importanti, fosthom is-separazzjoni tal-iskart. Aktar minn hekk, il-ħaddiema tal-MFSA ingħataw tazza tal-ħġieġ kull wieħed bl-għan li ma jibqgħux jintużaw aktar tazzi tal-plastik: dan se jwassal għal tnaqqis qawwi ta’ 50,000 tazza tal-plastik fis-sena!

L-MFSA se tkompli taħdem favur inizjattivi li jnaqqsu l-impatt ekoloġiku u jgħinu fl-iżvilupp ta’ post tax-xogħol aktar b’saħħtu u produttiv.