5,000 siġra se jitħawlu f’Bengħajsa sa Diċembru

S’issa tħawlu madwar 1,000 siġra, bħala parti mill-proġett ta’ Bengħajsa li qed tieħu ħsieb Ambjent Malta.

Waqt iż-żjara tiegħu f’Bengħajsa, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Josè Herrera qal li Ambjent Malta kellha b’mod preliminari tieħu miżuri biex jinġarr ammont konsiderevoli ta’ ħamrija sabiex jgħollu l-livell tal-art u b’hekk ikun jista’ jsir t-tħawwil tas-siġar. Hu qal li s’issa tħawlu madwar 1,000 siġra indiġena, fosthom tal-prinjol, ċipress, ħarrub, u naspli.

Sal-aħħar ta’ din is-sena huwa stmat li jitħawlu 4,000 siġra oħra u sa tmiem dan il-proġett għandhom jitħawlu aktar minn 20,000 siġra.

Il-Ministru spjega li din l- art minflok intużat sabiex issir estenzjoni tal-Freeport, se tiġi mibdula fi spazju miftuħ u b’hekk jinħoloq ‘Buskett’ żgħir biex jitgawda minn kulħadd.