5,000 persuna mistiedna jgħidu tagħhom dwar is-saħħa f’Malta

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar studju ġdid li jiswa 2.9 miljun fuq medda ta’ 3 snin, ibbażat fuq intervisti ma’ 5000 persuna permezz ta’ invit mibgħut bil-posta.

Min jirċievi l-ittra se jirċievi wkoll telefonata biex jiġi mistoqsi jekk jixtieqx jipparteċipa f’dan il-proġett, u biex isir il-ftehim għall-intervista.

Dan l-istħarriġ mhux se jħares lejn il-mard, imma kif affarijiet barra mid-dinja medika jaffettwaw is-saħħa, ngħidu aħna l-ikel li nieklu, il-post fejn naħdmu, eċċ. Jekk pereżempju, jinstab li hemm numru kbir ta’ nies li ma jifhmux dak li jgħidilhom it-tabib, jeħtieġ li problema bħal din tiġi indirizzata.

Il-Ministru ħabbar li bħalissa għaddejjin preparamenti intensivi fit-tfassil ta’ strateġija biex jiżviluppa l-qasam tas-saħħa sal-2030. Fil-qalba ta’ din il-ħidma, qal il-Ministru, hemm l-evidenza xjentifika: stħarriġ u l-fatti li joħorġu minnu, pereżempju l-Health System Performance Assessment.

Dr Charmaine Gauci, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, kompliet tispjega x’jinvolvi dan il-proġett: li se jitqiesu l-problemi li taffaċċja s-soċjetà Maltija. Pereżempju jeħtieġ li tiġi indirizzata l-problema ta’ familji fil-klassi baxxa li huma aktar suġġetti għall-mard.

Nies ta’ ‘l fuq minn 16-il sena ntagħżlu kif ġie ġie biex l-istħarriġ isir permezz ta’ intervisti wiċċ imb wiċċ magħhom. Dawn l-intervisti se jqisu d-demografija soċjoekonomika jiġifieri s-sess tal-persuna, il-livell ta’ edukazzjoni, l-impjieg, eċċ. Se jitqiesu wkoll aspetti tas-saħħa mentali, u oħrajn bħat-tabakk, l-alkoħol, id-drogi, kif ukoll problemi ta’ logħob tal-azzard u anke l-użu tal-midja soċjali.

Permezz ta’ dan l-istudju, il-Ministeru se jikseb stampa ċara ta’ x’inhuma l-inugwaljanzi fis-saħħa f’Malta, u ladarba jiġu identifikati, ikunu jistgħu jiġu megħluba.

Se tintbagħat 11-il persuna mill-entitajiet tas-saħħa u mill-imsieħba l-oħra f’Venezja, u se jingħata taħriġ lill-entitajiet kollha sabiex meta l-entitajiet involuti jippjanaw il-politika tagħhom, iqisu l-bżonnijiet ta’ saħħet in-nies ukoll.

Hija l-kumpanija Ernest & Young li se tibgħat il-ħaddiema tagħha fid-djar tan-nies biex jintervistawhom għal 6 xhur. Il-Ministeru għall-Ambjent, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Ministeru għall-Familja huma wkoll involuti f’dan il-proġett.