‘5,000 ntbagħtu d-dar għax ma laħqux il-kriterji biex jagħtu d-demm’

Miguela Xuereb

5,000 persuna ntbagħtu d-dar għax ma laħqux il-kriterji li hemm bżonn sabiex jagħtu d-demm fl-2018. Dan ħareġ fi stqarrija konġunta mill-Uffiċċju tal-President u mill-Uffiċċju tal-Ministru għas-Saħħa.

Is-sena li għaddiet kien hemm kważi 22,000 persuna li marru jagħtu d-demm. Minnhom setgħu jagħtu madwar 17,000 persuna. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan in-numru mistenni jiżdied wara investiment ta’ nofs miljun fil-Bank tad-Demm. L-investiment se jwassal għall-introduzzjoni ta’ magna ġdida, NAT testing, li se tibda tintuża minn nhar it-Tnejn li ġej.

Din il-magna tista’ tiddetermina jekk persuna għandiex traċċi tal-HIV, HBV u HCV fid-demm. L-investiment mill-magna sar permezz ta’ fondi tal-European Economic Area (EEA). Fearne spjega li fost il-persuni li qabel ma setgħux jagħtu d-demm hemm persuni gay li issa se jitneħħa l-impediment assolut li kien jeżisti qabel biex jagħtu d-demm. Qal li d-diferiment tal-bidu se jkun ta’ sena li eventwalment se jinżel għal ftit xhur.

Min-naħa tiegħu, il-President George Vella qal li d-demm huwa prezzjuż. Mingħajru ma jsirux l-interventi meħtieġa fl-isptar.