500 sodda oħra f’San Vinċenz

Ir-residenza tal-anzjani San Vinċenz de Paule se jkollha 500 sodda iktar sas-sena d-dieħla.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis li qal li din l-estensjoni fil-bini se ssir biex tkun indirizzata l-lista ta’ stennija ta’ dawk l-anzjani li għandhom livell ta’ dipendenza għolja. Dan il-proġett se jgħin fil-proċess ta’ rilokazzjoni ta’ dawk l-anzjani li jgħixu f’dar residenzjali u li għandhom bżonn kura iktar intensiva.

Il-Kap Eżekuttiv tar-residenza Josianne Cutajar qalet li 28% tal-kmamar il-ġodda se jkunu mgħammra biex jilqgħu persuni li jbatu bid-dimensja. Is-swali l-ġodda se jinkludu wkoll spazji miftuħa fejn jiġu organizzati attivitajiet soċjali għall-anzjani kif ukoll terazzini. Il-proġett se jinkludi wkoll kmamar iddedikati għat-taħriġ tal-ħaddiema, multipurpose room, sala għall-fiżjoterapija u kappella.