500 sodda għall-anzjani mill-privat

Il-Gvern qed jixtri aktar minn 500 sodda minn djar tal-anzjani mmexxija mill-privat.
Sal-bidu ta’ Ottubru l-Gvern xtara 511-il sodda minn ħames djar tal-anzjani tal-privat.
F’sensiela ta’ tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo fl-aħħar ġimgħat, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-pazjenti li jagħżlu li joqogħdu fi Djar tal-Anzjani tal-Gvern jew bi ftehim mal-privat, il-pensjoni tagħhom tonqsilhom b’60%.
191 minnhom jinsabu f’Casa San Paolo fil-Qawra filwaqt li 146 sodda nxtraw mill-Gvern f’Villa Messina fir-Rabat.
Aktar sodod inxtraw f’Roseville f’Ħattard (94) u f’Casa San Francesco f’Santa Venera (40).
40 sodda oħra nxtraw f’Għawdex minn Villa San Lawrenz.
Id-deputat Nazzjonalista Chris Said staqsa wkoll kemm tiġi tiswa kull sodda f’din id-dar iżda l-Ministru qal li ma setax iwieġeb minħabba skopijiet kummerċjali.
Fl-2017 inxtraw 3 sodod tal-elettriku u 120 wheelchair.
Għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Maria Deguara, il-Ministru Falzon qal li sa Ottubru, il-Gvern xtara 3 sodod tal-elettriku għar-Residenza San Vinċenz de Paule u 120 wheelchair għal djar differenti.
73 wheelchair minnhom kienu wheelchairs normali filwaqt li l-bqija kienu wheelchairs speċjalizzati għar-residenza San Vinċenz de Paule u l-Isptar Monte Karmeli.