500 Saċerdot Ngliż jappoġġjaw l-Humanae Vitae

Humanaed-Vitae

Madwar 500 saċerdot minn madwar l-Ingilterra iffirmaw dikjarazzjoni li fiha jappoġġjaw l-enċiklika Humanae Vitae li se tagħlaq 50 sena.

Fl-istqarrija tagħhom dawn il-qassisin qalu li meta kienet publikata l-Humanae Vitae ħafna ma aċċettawx il-messaġġ u t-twissija tagħha u sabuha diffiċċli jaċċettaw it-tagħlim tal-Knisja li l-użu tal-kontraċċettivi hu dejjem eskluż u intrinsikament ħażin.  Imma 50 sena wara fis-soċjeta’ tagħna tant saru affarijiet kontra l-ħajja umana u l-imħabba li ħafna issa qed japprezzaw l-għerf wara dan it-tagħlim tal-Knisja.

“Bħala qassisin nixtiequ naffermaw f’din l-okkażżjoni, il-viżjoni nobbli tal-imħabba prokreattiva kif dejjem għallmet u fehmet il-Knisja. Nemmnu li ekoloġija umana proprja, li niskopru mill-ġdid il-metodi naturali u nirrispettaw id-dinjità umana, hu essenzjali għall-futur tal-poplu kattoliku u mhux. Għalhekk qed nipproponu li niskopru mill-ġdid il-messaġġ tal-Humanae Vitae mhux biss b’fedelta lejn l-Evanġelju, imma bħala ċ-ċavetta għall-fejqan u l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna” tgħid l-istqarrija.

L-organizzaturi tad-dikjarazzjoni qalu li n-numru kbir ta’ firmatarji juri moviment sinjifikanti favur it-tagħlim tal-enċiklika. “Fl-1968 ftit qassisin tkellmu b’konvinzjoni dwar dan it-tagħlim anzi kien hemm ħafna li ma qablux miegħu”.

Wieħed mis-saċerdoti li ffirmaw id-dikjarazzjoni qal li “hu diffiċli li ssib 100 saċerdot biex jagħmlu xi ħaġa flimkien, imma li ssib 500 jagħmlu dikjarazzjoni komuni hu sinjifikanti ħafna”.

“Nittamaw li l-Knisja fl-Ingilterra issa tirrikonoxxi l-importanza tal-Humanae Vitae u tpoġġiha fuq quddiem tal-istrateġija pastorali u ta’ evanġeliżazzjoni tagħha. Dan hu mument importanti għall-Knisja f’pajjiżna” qalu s-saċerdoti.