500 karozza ma tħallewx jaqsmu l-fliegu – Camilleri

Read in English.

Madwar 500 karozza ma tħallewx jaqsmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex, skont il-Ministru Clint Camilleri.

Fuq Facebook il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-uffiċjali tal-Gozo Channel żammew madwar 500 karozza bil-passiġġieri milli jaqsmu bejn il-fliegu f’dawn il-jumejn.

“Dan għaliex wara l-iscreening li sar lilhom, tali vjaġġ kien meqjus mhux essenzjali,” qal Camilleri. Appella għall-kollaborazjoni ta’ kulħadd.

L-awtoritajiet tas-saħħa ta’ kuljum qed jisħqu fuq l-importanza biex in-nies jibqgħu fid-dar tagħhom u biex joħorġu biss għall-bżonnijiet essenzjali. Il-Ministeru għal Għawdex kien impona wkoll restrizzjonijiet fuq l-użu tal-Gozo Channel. Dan minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

L-uffiċjali 🧑🏻‍✈️ tal-Gozo Channel ⛴ f’dawn il-jumejn żammew madwar 5️⃣0️⃣0️⃣ karozza bil-passiġġieri milli jaqsmu bejn…

Posted by Clint Camilleri on Saturday, April 11, 2020

Minkejja l-appelli kontinwi mill-awtoritajiet, jidher li għadd ta’ persuni rħewlha lejn Għawdex “għall-btala” fi tmiem din il-ġimgħa. Sorsi infurmati qalu li l-kontroll li qed isir minn uffiċjali tas-sigurtà mhux qed isir kif suppost, u li biex din is-sistema taħdem jeħtieġ li tkun amministrata mill-Pulizija. “Ma jistaqsux għad-dettall. Kulħadd jgħid li sejjer għax-xogħol jew joqgħod Għawdex, u ħadd ma jiċċekkja”, żiedu jgħidu. Madanakollu Għawdxin li qasmu l-fliegu qalu li minbarra li staqsewhom hux Għawdxin, talbuhom ukoll il-karta tal-identità.