500 bejn mejtin u midrubin fl-eqlel attakk fl-aħħar żminijiet

Minn tal-inqas 500 mietu u ndarbu f’Mogadishu, is-Somalja, f’dak li hu wieħed mill-agħar attakki terroristiċi fid-dinja fl-aħħar żminijiet.
L-attakk seħħ is-Sibt filgħaxija, xħin trakk mimli b’mijiet ta’ kilogrammi ta’ splussiv sploda qrib id-daħla ta’ lukanda fi nħawi ferm iffrekwentati fil-belt kapitali. Jidher li t-trakk kien immirat biex itajjar il-bini tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Sa lbieraħ l-għadd ta’ mejtin kien ta’ 230, iżda ħaddiema tal-ewwel għajnuna u uffiċjali fuq il-post qed jindikaw li dan tela’ għal 500 bejn mejtin u midrubin, hekk kif iġsma bla ħajja qed jinstabu taħt ir-radam anki mijiet ta’ metri ’l bogħod minn fejn sploda t-trakk.
Għalkemm għadu mhux magħruf min hu l-moħħ wara dan l-attakk, il-grupp al-Shabab, li għandu rabtiet mal-al-Qaeda, sikwit jeżegwixxi attakki bħal dawn fil-kapitali.
Li hu żgur hu li l-attenzjoni qiegħda fuq dan il-grupp Iżlamist, li ilu għal dawn l-aħħar 10 snin jitterrorizza dal-pajjiż.
Il-missjoni Amerikana fis-Somalja qalet li attakki bħal dawn ikomplu jsaħħu l-fehma tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li l-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda fis-Somalja ddeskriva lill-al-Shabab bħala grupp li jiddiżgustak.
Aktar kmieni dis-sena l-grupp ħalef li jżid fil-qerda tiegħu wara li kemm il-President Amerikan, Donald Trump, kif ukoll il-President il-ġdid Somalu ddikjaraw li se jħarrxu l-politika tagħhom kontra l-grupp.
Reazzjoni tal-PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li jesprimi s-sogħba tiegħu u fl-istess waqt il-kundanna wara l-aħħar attakk terroristiku li seħħ fil-belt kapitali Somala, Mogadishu. Minn dan l-attakk mill-aktar vili kontra persuni innoċenti, sfortunatament tilfu ħajjithom 276 persuna u hemm 300 feruti qal il-partit. 
Fi stqarrija, il-PN sostna li qed jingħaqqad ukoll fis-sejħa demokratika ta’ dan il-poplu u jittama li pajjiżna jassigura li huwa wkoll jagħti l-appoġġ tiegħu sabiex jonqsu l-faqar u l-miżerja b'għajnuna ekonomika aqwa.