50 siegħa snooker għall-karità

Matul tmiem din il-ġimgħa, l-attività sportiva ma taqta xejn fir-Rabat u l-Imdina, hekk kif għaddejin żewġ avvenimenti flimkien.
Il-pubbliku minbarra l-wirja tal-karozzi tal-Mdina GP taħt is-sur u mat-toroq tar-Rabat u l-Imdina, jista’ jasal wasla sal-każin tal-Banda l’Isle Adam.
Għaddejja il-maratona ta' 50 siegħa snooker organizzata mill-Kummissjoni Sport fi ħdan l-Għaqda Muzikali l'Isle Adam.
Il-maratona bdiet il-Ġimgha filgħaxija bl-ewwel logħba li kienet bejn Alex Borg u Duncan Bezzina, tnejn mill-aqwa plejers tal-isnooker f'Malta.
L-għan tal-maratona mhuwiex biss li matul il-ħamsin siegħa l-mejda tal-isnooker tkun okkupata, iżda biex jinġabru fondi għall-għaqda filantropika Mission Fund.
Din l-għaqda permezz tal-voluntiera tagħha tmur f'pajjiżi meqjusa tat-tielet dinja fost l-ifqar komuntajiet biex tgħinhom.
L-għajnuna tvarja, iżda fost l-akbar proġetti li għandhom hemm bini ta' skejjel, sptarijiet u l-aktar importanti ta' bjar.
Fil-fatt dawn in-nies ikollhom jimxu għal siegħat twal biex jimlew barmil ilma u joħduh fejn joqogħdu.
Din hi is-sitt sena konsekuttiva li qed issir din il-maratona u kull sena ssir għal entita' filantropika differenti.
B’hekk permezz tal-isport qed tingħata għajnuna lil persuni fil-bżonn.
Il-maratona tal-isnooker tiġi fi tmiemha llejla.