50 sena tal-Għaqda Banda Żejtun fil-purċissjoni tal-Ġimgha Kbira

Propju din is-sena jaħbat il-50 anniversarju minn mindu l-Għaqda Banda Żejtun ħadet sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa Kbira taż-Żejtun għall-ewwel darba. Anniversarju li għall-Għaqda Banda Żejtun u l-partitarji tagħha huwa ferm importanti u li se tkun qed tiċċelebraħ b’diversi attivitajiet.

Għaliex huwa daqsekk importanti? Mill-istorja nistgħu nindunaw li għal din l-Għaqda ma kien faċli xejn li tiehu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa Kbira fiż-Żejtun. Kien propju fiż-żmien il-President il-Kaptan Serafin Xuereb fis-sena 1946 meta l-kumitat ta’ dak iż-żmien għamel l-ewwel proposta biex il-Banda Żejtun tiehu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa Kbira, iżda għall-diversi raġunijiet u minħabba t-twemmin tagħha din il-proposta ma ġietx aċċettata.

Minflok, il-Banda Żejtun taħt is-Surmast Gian Mari Dalli, kienet tagħmel programm ta’ mużika addatta maż-żmienijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa nhar Ħadd il-Palm. Kien programm ferm mistenni għax fih kienu jindaqqu marċi li kienu jkomplu jdaħlu liż-Żejtun fl-atmosfera ta’ dak iż-żmien.

Wara 22 sena kien intlaħaq ftehim f’Ottubru tas-sena 1968, biex fil-pruċissjoni li jmiss tas-sena 1969, il-Banda Żejtun tiehu sehem għall-ewwel darba fil-Purċissjoni tal-Ġimgha Kbira. Ta’ min isemmi ukoll li l-Kaptan Xuereb, President tal-Għaqda Banda Żejtun kien ukoll ħallas il-bandalori tas-sebgħa kelmiet biex jagħmlu parti mill-purċissjoni.

Dini s-sena, l-Għaqda Banda Żejtun se tkun qed tfakkar dan l-anniversarju b’ pubblikazzjoni ta’ CD ta’ marċi ġodda bl-isem ‘REX JUDEROUM’. Dan is-sett ta’ marċi ġie launched nhar il-Ħadd, 24 ta’ Marzu u bħalissa qed tinbiegħ mill-każin.

Fl-10 t’April ser ikun qed jittella’ programm ta’ mużika funebra ġewwa l-knisja Arċimatriċi taż-Żejtun. Dan il-programm ser ikun imżewwaq b’ ħafna siltiet mużikali sbieħ f’ atmosfera tal-knisja armata propju għal dawn iż-żminijiet. Ser jinqraw ukoll siltiet lettararji li jikkumplementaw is-serata. Il-banda ser tkun taħt is-surmast direttur Mro. David Aguis. Dħul għal dan il-programm huwa bla ħlas.

Nhar it-Tlieta 16 t’April, l-Għaqda Banda Żejtun flimkien ma’ Carpe Diem Productions b’ risq l-ALS Malta ser ikunu qed itellaw produzzjoni bl-isem ‘Lumen’ fil-pjazza ewlenija taż-Żejtun madwar il-knisja parrokkjali. Il-kitba hi ta’ Shaun Formosa taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Agius b’uħud mill-aqwa atturi stabbiliti u dawk partitarji ta’ l-istess għaqda. Tikkumplimenta din il-produzzjoni qed tiġi preparata mużika oriġinali minn Elton Zarb. Dan id-dramm jibda fit-8.00 pm u dħul huwa mingħajr ħlas, iżda se jinġabru donazzjonijiet waqt l-attivita’ b risq l-ALS Malta.

L-Għaqda Banda Żejtun tħeġġeġ lil pubbliku ġenerali jattendi għal dawn l-attivitajiet biex huma ukoll ikunu parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.