Filmat: 50 sena mill-professjoni reliġjuża tal-Arċisqof Cremona u l-Isqof George Frendo

L-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof George Frendo, it-tnejn Dumnikani, dalgħodu ċċelebraw 50 sena anniversarju mill-professjoni reliġjuża tagħhom. Din iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ Gwardamanġa u għaliha attenda l-President ta’ Malta, Dr George Abela, u s-Sinjura Abela.

L-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna, l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca u l-Provinċjal l-ġdid tad-Dumnikani, Patri Frans Micallef, flimkien ma’ numru ta’ patrijiet Dumnikani kkonċelebraw matul din il-Quddiesa solenni. Preżenti wkoll omm l-Arċisqof Cremona u diversi qraba taż-żewġ Isqfijiet.

Kien fl-1963 li Pawlu Cremona u George Frendo bdew il-mixja vokazzjonali tagħhom lejn is-saċerdozju bħala patrijiet Dumnikani. Illum, l-Isqof George Frendo huwa Isqof ta’ Tirana fl-Albanija, fejn ilu jservi bħala Isqof mill-2006. Monsinjur Pawlu Cremona sar Arċisqof ta’ Malta sena wara, jiġifieri fl-2007. 

L-Arċisqof Cremona, li huwa mwieled il-Belt, ipprofessa fl-Ordni ta’ San Duminku fl-età ta’ 17-il sena, filwaqt li l-Isqof Frendo, li huwa mwieled Ħal Qormi, ipprofessa fl-età 16-il sena. Huma ġew ordnati saċerdoti fl-1969.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni tal-lum, il-President ta’ Malta feraħ lill-Arċisqof Cremona u lill-Isqof Frendo, u ppreżenta żewġ kwadri lill-Isqfijiet bħala tifkira ta’ din l-okkażjoni.