Read in English.
Il-Kap tal-Missjoni Taljana tal-NGO Open Arms, Riccardo Gatti, qal li ma jafx fejn se jieħdu lil 50 immigrant li jinsabu abbord il-vapur tagħhom.
Gatti qal lil midja Taljana li fuq il-vapur kien hemm persuni mill-Palestina, mis-Sirja, u mill-Guinea. Qal li kollha kienu f’saħħithom.
Skont ir-Reuters, Gatti qal li l-Open Arms ma rċeviet l-ebda struzzjonijiet biex il-vapur jitrakka f’xi port.
Aktar kmieni:
Terġa’ tibda t-tensjoni bejn Malta u l-Italja hekk kif 50 immigrant fuq il-vapur Open Arms jinsabu bejn sema u ilma. Filwaqt li l-Italja qed tgħid li l-vapur huwa eqreb lejn Malta, il-Gvern Malti jgħid li l-eqreb port huwa dak ta’ Lampedusa.
Il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini f’messaġġ fi Twitter qal li l-vapur tal-NGO Spanjola jinsab f’ibħra territorjali Libjani iżda l-eqreb port huwa Malta. Salvini qal li l-Italja mhux se taċċetta li l-Open Arms juża portijiet Taljani u li jidher li f’dan il-każ qed tiżviluppa sitwazzjoni simili bħal tal-vapur Lifeline.
Nhar il-Ħamis li għadda l-Gvern ħabbar li huwa se jagħlaq il-portijiet Maltin għall-vapuri tal-NGOs wara l-episodju tal-MV Lifeline, li daħal Malta l-Erbgħa filgħaxija b’234 immigrant.
Skont rapporti internazzjonali, l-immigranti abbord l-Open Arms qalu li ma jridux imorru lura l-Libja għax jibżgħu li jiġu ttorturati, bl-ekwipaġġ tal-Open Arms jassigurawhom li se jeħduhom Spanja.
La nave Open Arms, di Ong spagnola con bandiera spagnola, si è lanciata poco fa verso un barcone e, prima dell’intervento di una motovedetta Libica in zona, ha in tutta fretta imbarcato una cinquantina di immigrati a bordo. pic.twitter.com/FiPjeVP2NU
— Matteo Salvini (@matteosalvinimi) June 30, 2018
Intant f’reazzjoni mill-Gvern Malti, il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia, qal fuq Twitter li l-eqreb port huwa Lampedusa.
#Malta Maltese Gov @MaltaGov publishes map showing location of #OpenArms in relation to closest ports, proving that #Lampedusa is the closest port of call | #Migration #Mediterranean https://t.co/J49GCmN5Tv
— Government of Malta 🇲🇹 (@MaltaGov) June 30, 2018
Nhar il-Ħamis l-ANSA qalet li l-Open Arms xtaq jittrakka f’Malta jew fl-Italja iżda li dawn irriffjutaw. L-Open Arms diġà salva aktar minn 5.000 immigrant mill-għarqa.
Fost l-immigranti li hemm abbord l-Open Arms, jidher li hemm ħames nisa, tifla ta’ disa’ snin u tliet adoloxxenti.