50 pajjiż jiffirmaw it-trattat kontra l-armi nukleari

UN_working_group_on_nuclear_disarmament_May_2016

Read in English.

In-Nazzjonijiet Uniti ħabbru li 50 pajjiż iffirmaw it-trattat li jipprojbixxi l-armi nukleari. It-trattat ha jidħol fis-seħħ 90 ġurnata oħra, jġifieri fit-22 ta’ Jannar 2021. Dan il-ftehim mhux appoġġjat mill-Istati Uniti u għadd ta’ pajjiżi oħra li għandhom armi nukleari.

Beatrice Fihn, id-Direttriċi Eżekuttiv tal-kampanja internazzjonali biex jiġu aboliti l-armi nukleari, saħqet li dan il-mument ilhom jistennewh għal 75 sena, minn meta saru l-attakki fuq Hiroshima u Nagasaki. Hija saħqet li l-50 pajjiż li ffirmaw it-trattat qegħdin juru li l-armi nukleari m’humiex biss immorali iżda illegali.

Il-Ministru għall-Affarijiet Baranin Evarist Bartolo fuq Facebook saħaq li jinstab ferħan li Malta tinsabu mal-ewwel 50 pajjiż fid-dinja li qed tgħinu biex dan it-trattat jibda jaħdem. Huwa kompla jgħid li Malta m’għandhiex armi nukleari iżda seta’ jintuża minn pajjiżi oħra li għandhom armi nukleari.

Il-Ministru Bartolo qal li Malta intrabtet li ma tħallix min jistazzjona, jinstalla jew jispara armi nukleari mit-territorju tagħna. Temm jgħid li l-ftehim qed jissaħħaħ “l-impenn bħala pajjiż newtrali, bla bażijiet militari u b’impenn favur il-paċi u d-diżarm”.

Dan huwa l-ewwel ftehim legali internazzjonali li huwa kontra l-użu tal-armi nukleari. Fil-ftehim, il-pajjiżi ffirmaw kontra l-iżvilupp, l-ittestjar, il-produzzjoni u l-ħazna ta’ armi nukleari.