50 karozza tal-linja bil-WIFI b’xejn

Mil-lum, 50 karozza tal-linja se jkunu qed joffru WiFi b’xejn lill-passiġġiera kollha. Il-proġett pilota se jkun fil-fażi ta’ ttestjar għal perjodu ta’ tliet xhur. 
Fi stqarrija maħruġa mill-Malta Public Transport ġie spjegat kif dan is-servizz se jkun disponibbli fuq mudelli differenti ta’ karozzi tal-linja, kemm fuq dawk ta’ 9 metri, kif ukoll dawk ta’ 12-il metru, imferrxin madwar il-gżejjer. Dawn jinkludu wkoll karozzi tal-linja tal-ajruport.
Konrad Pulé, il-Maniġer Ġenerali tal-Malta Public Transport spjega kif din il-kollaborazzjoni bejn il-Malta Public Transport u Transport Malta qed issir sabiex tiġi offruta l-opportunità li l-passiġġiera kollha li jużaw it-trasport pubbliku, jagħmlu użu mill-WiFi b’xejn.
L-istqarrija tgħid ukoll li jekk il-proġett pilota jintemm b’suċċess, il-karozzi kollha tal-linja f’Malta u Għawdex jibdew jipprovdu l-WiFi b’xejn.
Il-proġett li ġie mniedi mill-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, saħaq li hemm bżonn li jiġu fis-seħħ aktar miżuri simili li jservu bħala inċentiv sabiex in-nies jagħmlu aktar użu mit-trasport pubbliku, li skontu huwa mezz alternattiv li jgħin biex jonqsu l-vetturi fit-toroq.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru spjega li l-aċċess għall-WiFi se jsir permezz ta’ sign in kull darba li jkun irid jintuża, hekk kif id-dettalji tal-utent mhux se jinżammu fis-sistema. Huwa aċċerta li l-aċċess se jkun iffiltrat, sabiex tkun żgurata s-sigurtà. Il-konnessjoni se tkun waħda standard 4G li tinqasam bejn l-utenti kollha.
Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu fuq is-servizz ta’ WiFi b’xejn tul it-tliet xhur ta’ ttestjar billi jibgħat imejl fuq tallinjawifi@publictransport.com.mt.
Ritratt: Malta Public Transport