50% jirċievu dijanjosi tal-HIV tard wisq

Il-Ministeru tas-Saħħa qal li wieħed minn kull żewġ persuni fl-Ewropa li għandhom l-HIV jirċievu d-dijanjosi tagħhom meta jkun tard wisq.
Fi stqarrija, il-Ministeru tas-Saħħa qal li ż-żieda fil-każijiet tal-HIV qed isseħħ f’oqsma partikolari tal-popolazzjoni Maltija, l-aktar fl-irġiel omosesswali. Fl-2016 kien hemm 58 każ tal-HIV u 5 każijiet tal-AIDS. Sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena kien hemm 45 każ li ġew irrapportati. Skont l-istess ministeru, ir-reġjun tal-Ewropa huwa l-uniku reġjun minn madwar id-dinja li fih qed jiżdiedu l-każijiet tal-HIV.
Il-Ministeru qal li l-istrateġija għall-azzjoni tinkludi kombinazzjoni ta’ prevenzjoni, testijiet, kura, monitoraġġ, u ambjent ta’ sapport.
Il-Ministeru fakkar fl-introduzzjoni li saret tar-rapid test tal-HIV fil- Genitourinary Clinic ta’ Malta. Dan it-test jista’ jipproduċi riżultat f’20 minuta. S’issa saru 28 test rapidu li kollha kellhom riżultat negattiv għall-HIV.
It-tema ta’ Malta għall-Jum Dinji tal-AIDS li jaħbat fl-1 ta’ Diċembru kienet dik ta’ “Stay protected…Use condoms”.
Żieda fl-iżolament tal-pazjenti – Studenti tal-Mediċina
L-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina Maltin (MMSA) qalet li l-inċidenza tal-HIV f’Malta qed tiżdied u li qed twassal għal żieda fit-tifrix tal-virus, fl-istigma u d-diskriminazzjoni marbuta mal-infezzjoni u l-iżolament tal-persuni li jinstabu pożittivi għall-HIV.
Fi stqarrija, l-MMSA qalet li temmen li hija responsabbiltà tal-istudenti li jkunu parti minn dan moviment li jfittex inaqqas l-inċidenza tal-HIV u jkomplu mexjin ‘il quddiem bil-ġlieda kontra l-infezzjoni qerrieda. L-infezzjoni tal-HIV hija mdawwra bi stigma qawwija
L-MMSA qed torganizza diversi attivitajiet b’rabta mal-Jum Dinji tal-AIDS.
L-HIV saret waħda mill-aktar infezzjonijiet qattiela” – ViiV Healthcare
Il-kumpanija ViiV Healthcare spjegat li minn meta dan il-virus tfaċċa fil-bniedem 30 sena ilu, l-HIV saret waħda mill-aktar infezzjonijiet qattiela li infettat 76.1 miljun ruħ u kkawżat il-mewt ta’ 35 miljun persuna
minħabba mard relatat mal-AIDS.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li qed timmarka sena li matulha sar progress tremend mill-komunità tal-HIV biex ittejjeb il-ħajja, kif ukoll l-għażliet ta’ trattament u kura, ta’ persuni li jgħixu bl-HIV madwar id-dinja.
ViiV Healthcare  saħqet li ħadet l-impenn biex tagħmel sforz biex tgħin biex jintlaħaq l-għan tal-UNAIDS, jiġifieri li jkun hemm ġenerazzjoni ħielsa mill-AIDS sal-2030.
Bħala parti mill-inizjattiva tagħha ta’ “Positive Action”, ViiV Healthcare ipprovdiet għotja lil għaqda non-Governattiva Maltija. B’din l-għotja, l-NGO setgħet tipprovdi Self-Test kits b’xejn biex wieħed ikun
jista’ jeżamina lilu nnifsu għall-HIV. Taħt l-inizjattiva Positive Action, il-kumpanija qed tagħti appoġġ lil aktar minn 300 programm li jaħdmu biex jipprovdu soluzzjonijiet reali, permezz ta’ għotjiet lil organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità madwar id-dinja.
Is-sena l-oħra, Newsbook.com.mt kien żar din il-Genitourinary Clinic tal-Isptar Mater Dei u intervista lil Dr Valeska Padovese. Hi kienet qalet li numru ta’ infezzjonijiet sesswali ma jikkawżawx sintomi, għaldaqstant saħqet li huwa importanti li nies li huma attivi sesswalment għandhom jiġu testjati.
Ritratt: MMSA