50 għawwiem kellu bżonn l-assistenza f’Kemmuna f’ġurnata waħda

Ilbieraħ il-lifeguards tal-Emergency Response Rescue Corps kellhom jassistu madwar ħamsin għawwiem li sab ruħu f’diffikulta f’Kemmuna.
Peress li din is-sena m’hemmx transport bejn Kemuna u Kemmunett, għawwiema qed jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer billi jimxu fil-baħar fejn jilħqilhom bil-basktijiet miżmuma fuq rashom sabiex ma jxarbuhomx.
Madankollu, peress li ħafna drabi ikun hemm kurrenti fil-baħar, l-għawwiema jiġu inbuttati fuq ġenb fejn ma jilħqilhomx u hemmhekk ikollhom bżonn l-għajununa sabiex jinġarru lura fuq il-blat. Ħadd minn dawk li ġew assistiti ma ġie meħud l-isptar.
Is-servizz tal-lifeguarding fil-Bajja ta’ Bejn il-Kmiemen huwa possibbli permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-Awtorità Touriżmu Maltija. Appoġġ qed jingħata wkoll mill-Ministeru għal Għawdex, Mġarr Marina, Transport Malta, Il-Pulizija, Forzi Armati ta 'Malta, Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.