50 familja Ċiniża oħra tapplika għar-residenza Maltija

Il-programm Malti dwar residenza u visa b’investiment għal individwi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (MRVP) qanqal l-interess ta’ 50 familja Ċiniża oħra.
Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, intqal li dawn l-applikazzjonijiet daħlu wara li is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Potelli attendiet konferenza fix-Shanghai. 
Fl-istqarrija ntqal ukoll li l-Kap Eżekuttiv ta’ Shanghai Overseas Exit Entry, Kevin Mao, semma li b’kollox f’dawn l-aħħar 24 xahar il-kumpanija investiet  €6 miljun f’reklamar fuq Malta.
Skont l-istqarrija, fost il-kriterji ewlenin biex ikunu aċċettati l-applikazzjonijiet, hemm li l-individwi jridu jikru jew jixtru dar f’Malta jew f’Għawdex, jixtru mal-€250,000 fi stocks tal-Gvern, u li jkollhom mill-inqas dħul ta’ €100,000 fis-sena.
Matul is-sentejn li ilu mwaqqaf dan il-programm b’investiment kienu approvati 140 applikazzjoni li 80% minnhom huma miċ-Ċina.
Farrugia Portelli spjegat li l-politika tal-Gvern hi li Malta tkompli tattira individwi li jħarsu lejn Malta mhux biss bħala l-post fejn ikollhom it-tieni dar tagħhom iżda wkoll biex fiha familji Ċiniżi jinvestu u jressqu lejn il-pajjiż proġetti innovattivi.
Ritratt: OPM_PS