50 atleta jisparixxu fl-Awstralja wara l-logħob tal-Commonwealth

Gold Coast games

L-Awtoritajiet Awstraljani qed ifittxu 50 atleta u uffiċjal li ilhom neqsin għal xahar sħiħ wara li spiċċaw il-logħob tal-Commonwealth.
Skont il-Ministru għall-Intern Awstraljan, Peter Dutton, 190 persuna oħra qed ifittxu l-ażil fil-pajjiż.
Il-Ministru qal li bħalissa għaddejja ħidma sabiex jinstabu l-50 persuna, jittieħdu fid-detenzjoni tal-immigranti mbagħad eventwalment jiġu deportati lejn pajjiżhom.
Spjega kif mill-190 li qed ifittxu l-ażil, bosta applikaw għall-visa Awstraljana ddedikata għar-refuġjati, filwaqt li 15 applikaw għal xi visas oħrajn.
Minkejja li hija normali li xi parteċipanti jdumu aktar ġo pajjiż minn kemm tippermettilhom il-visa, jew inkella jfittxu l-ażil, din id-darba l-għadd ta’ persuni li rrikorrew għal dan il-pass kien kbir ħafna.
Ritratt: Reuters