5 xhur ħabs għat-Taljani li importaw karozzi lussużi f’Malta

Ħames xhur priġunerija għal żewġ Taljani li ammettew li importaw karozzi lussużi u misruqa f’Malta.
L-irġiel ġew arrestati hekk kif waslu Malta b’katamaran minn Pozzallo ftit jiem qabel il-Milied.
Luigi Cirella ta’ 37 sena u Luciano  Sivilia ta’ 50 sena min-Napli, ammettew li importaw dawn il-karozzi, minkejja li kienu mwissija li jistgħu jaffaċċjaw massimu ta’ seba’ snin priġunerija.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia, in-Naplitani qalu li ma kienux jafu li l-karozzi kienu misruqa.  Wieħed minnhom qal li ssuspetta meta ma setax isib il-log book.
B’rabta mal-istess każ tressqu wkoll Taljan ieħor u Malti li ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom. Il-każijiet tagħhom se jinstemgħu quddiem maġistrat ieħor.