5 uffiċjali tal-korpi dixxiplinati pożittivi għad-droga

Read in English.

Pulizija, żewġ suldati tal-Forzi Armati u żewġ gwardjani tal-ħabs instabu pożittivi għad-droga wara testijiet li saru fuqhom fl-2020. Din l-informazzjoni toħroġ minn tweġibiet li ta l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fuq sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari magħmula mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Il-ġimgħa li għaddiet, ħarġu rapporti li s-Supretendent tal-Pulizija Maurice Curmi li kien stazzjonat fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex, ittestja pożittiv għad-droga kokaina f’test li sarlu mill-pulizija.

F’risposta tiegħu, il-Ministru qal li s-sena li għaddiet, saru żewġ testijiet fuq membri tal-Korp tal-Pulizija biex ikun determinat jekk għamlux użu minn droga jew sustanzi illegali. Każ minnhom irriżulta fil-pożittiv.

Huwa qal li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jitressqu wkoll emendi leġiżlattivi li jagħtu aktar saħħa lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku anke f’każ fejn ikun hemm individwi li jirrifjutaw li jagħmlu t-test.

Fil-Forzi Armati saru 141 test, li minnhom ġew ikkonfermati 3 każi pożittivi għal xi sustanza illegali. Individwu ieħor irrifjuta li jagħmel it-test u għaldaqstant ġie mneħħi mis-servizz b’mod immedjat skont regoli interni.

Wieħed mill-kandidati li applika mas-sejħa li ħarget lejn l-aħħar tas-sena 2020 irriżulta pożittiv għal sustanza llegali waqt testijiet mediċi ta’ proċedura.

Fl-2020, fil-ħabs saru 41 test fuq uffiċjali korrettivi u tnejn instabu pożittivi għall-kokaina.