5% tal-impjiegi fil-Knisja se jkunu għal persuni b’diżabilità

Il-Patrijarka Ortodoss Tawardos II ħabbar li 5 fil-mija tal-impjiegi fil-knejjes u entijiet ekklesjastiċi se jkunu riservati għal persuni b’diżabilità.
Din ir-regola se tgħodd ukoll fejn jidħol ingaġġ ta’ persuni f’kumpanniji jew organiżazzjonijiet soċjali li għandhom xi rabta mal-Knisja Kopta. Dawn jinkludu l-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa.
Fil-fatt l-uffiċċju tal-Kurja marbuta mal-kura pastorali taż-żgħażagħ diġa’ qed jorganizzaw inizjattivi ta’ taħriġ professjonali għal persuni b’diżabilita’ biex jitħejjew għal impjiegi li jistgħu japplikaw għalihom wara din id-direttiva tal-Patrikjarka Tawardos II.
Sadattant il-Ministru tal-Intern Eġizzjan, Magdi Abdel Ghaffar  issuġerixxa li billi bħalissa il-pajjiż qed jesperjenza diversi attakki minn forzi li jixtiequ jiddestablizzaw il-pajjiż, l-insara għandhom inaqqsu ż-żjarat u ċ-ċelebrazzjonijiet fil-knejjes u l-monasteri fejn jinġabru folol kbar ta’ nies.
Il-Ministru kkonferma li se jkun hemm sigurta’ kbira ma’ knejjes u monasteri madankollu xorta tinħass il-ħtieġa li jkun evitat li jinġabru ħafna nies f’dawn il-postijiet ta’ talb.
Dan l-appell jikkontradixxi l-appelli li saru riċentement minn uffiċjali Eġizzjani fil-qasam turistiku li qed jippromwovu l-pajjiż bħala destinazzjoni għal pellegrinaġġi reliġjużi biex iżuru l-postijiet fejn Kristu kellu jaħrab biex jeħles mill-qilla ta’ Erodi.