5 snin ħabs wara li stupra tifla ta’ 14-il sena

Read in English.

Raġel ta’ 75 sena nstab ħati li kkorrompa u stupra tfajla meta din kellha 14-il sena. Huwa ġie kkundannat għal ħames snin ħabs mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia.

Ġużeppi Magri li huwa minn Birżebbuġa nstab ħati ta’ stupru li seħħ li fl-2004.

Ir-raġel sar jaf il-vittma meta kera propjetà mingħand missier il-vittma. Dak iż-żmien kellha 13-il sena filwaqt li huwa kellu 55 sena. Fil-bidu r-raġel beda jabbużaha qabel ma stupraha.

L-abbuż baqa’ sejjer fuq medda ta’ snin. Meta l-vittma kellha 16-il sena huwa kien akkużaha li kellha x’taqsam max-xufier tat-trasport tal-iskola. Minn dakinhar beda jwassalha hu. It-tifla kienet soġġetta għall-vjolenza, bir-raġel isawwatha tant li kien hemm drabi fejn kellha bżonn il-punti u anki tagħmel snienha.

It-tifla kienet spiċċat mhedda mir-raġel wara li raha tkellem raġel ieħor. Dakinhar kien ħadha Ħad-Dingli u heddidha li jitfagħha għal isfel. Huwa kien sawwatha. Hi għamlet xi jiem id-dar imbagħad fetħet qalbha mat-tabib tal-familja li kien qal lil missierha. Kien hawn fejn sar rapport dwar l-abbuż.

Il-Qorti, waqt li qed tagħti s-sentenza, qalet li l-akkużat kien jaf x’inhu jagħmel u ried jagħmel dak li effettivament għamel u għaldaqstant għandu jħallas għal għemilu.

Il-Maġistrat Ian Farrugia kkundanna r-raġel għal ħames snin ħabs u tah multa ta’ €2,000.

Ir-raġel deher għas-sentenza mingħajr avukat.