5 snin ħabs talli seraq ħames mobiles u flus

Raġel bla saqaf fuq rasu ġie kkundanant ħames snin ħabs talli seraq ħames mobiles u ammont ta’ flus kontanti.

Fil-Qorti Abdullahi Jimale Hassan wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Qal li kien jisraq biex ikollu x’jiekol. Għandu 32 sena u huwa mis-Somalja.

Ġie akkużat b’10 serqiet li saru bejn Marzu u Mejju. Seraq minn għadd ta’ ħwienet u karozzi. Ġie akkużat ukoll li kiser il-bail u li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.

Il-prosekuzzjoni talbet għal sentenza ta’ priġunerija.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Matthew Galea. Il-Maġistrat kienet Rachel Montebello.