5 snin ħabs għal Liam Debono għall-każ separat ta’ sewqan bla liċenzja

Iż-żagħżugħ li kien tajjar lill-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri u ħallieh għal xi jiem jissielet għal ħajtu s-sena l-oħra, instab ħati li kien qed isuq karozza mingħajr liċenzja u assigurazzjoni meta kellu ordni mill-Qorti biex ma jsuqx wara li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-każ li huwa nstab ħati fih seħħ fl-24 ta’ Mejju 2019, meta huwa ntlemaħ minn Pulizija li ma kienx xogħol isuq. Debono illum ġie kkundanat ħames snin ħabs u weħel multa ta’ €11,000, kif ukoll 10 snin projibit milli jsuq. Filwaqt li huwa tilef id-depożitu u l-garanzija personali li kien ħallas biex ingħata l-ħelsien mill-arrest fil-proċeduri għaddejin fil-konfront tiegħu fl-attentat ta’ qtil tal-Pulizija Simon Schembri.

AQRA: Arrestat Liam Debono; jaqbduh isuq karozza

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-vettura li kien qed isuq dakinhar Debono filwaqt li rrakomandat li l-Pulizija tinvestiga lil Jason Zammit, sid il-vettura.

AQRA: Jerġa’ jinqabad isuq Liam Debono; ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Fil-Qorti l-Maġistrat Joe Mifsud iddeskriva x-xhieda tas-Surġent Kevin Curmi bħala waħda preċiża u ddettaljata. Fil-mument tal-arrest kien hemm l-ammissjoni ta’ Jason Zammit li kien miegħu fil-karozza bħala passiġġier fil-mument li rah is-Surġent Curmi.

AQRA: ‘Is-surġent għandu jiġi rikonoxxut talli wera sens ċiviku qawwi’

AQRA: Jinżamm arrestat iż-żagħżugħ li saq fuq pulizija; jaffaċċja 23 akkuża

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Mifsud ikkundana lil Debono għal ħames snin ħabs u multa ta’ €11,000. Il-Qorti ordnat li l-€10,000 f’depożitu u €40,000 f’garanzija personali li ħallas għall-ħelsien mill-arrest jgħaddu favur il-Gvern. Il-Qorti ordnat ukoll 10 snin projbizzjoni tal-liċenzja tas-sewqan minn meta jispiċċa jiskonta s-sentenza.

Il-Qorti rrakomandat ukoll biex Jason Zammit u tifla tiegħu Kristy, li t-tnejn xehdu b’ġurament jiġu investigati dwar jekk Kirsty Zammit xehditx il-falz f’dawn il-proċeduri.

Għal Debono deher l-avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja.

Il-Prosekuzzjoni kienet immexxiha mill-Ispettur Pierguido Saliba u Fabian Fleri f’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.