5 snin ħabs għal eks nutar minħabba frodi

Eks nutar weħel ħames snin ħabs wara li nstab ħati li għamel dikjarazzjonijiet foloz quddiem awtorità pubblika u ta’ miżappropjazzjoni hekk kif kiser id-doveri uffiċjali tiegħu bħala nutar. Il-Qorti ordnatlu jħallas ukoll is-somma ta’ €90,000 lil dawk li kien iffroda f’diversi każijiet.

L-eks nutar Pierre Falzon kellu jċedi l-warrant tiegħu ta’ nutar sentejn ilu wara każ separat ta’ miżappropjazzjoni.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ippreżentat sensiela ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji f’dokument ta’ 62 paġna, fosthom trasferimenti ta’ flus ta’ klijenti fil-kont tal-mara tiegħu. Oħrajn li kienu ħallsuh eluf ta’ ewro f’ħlasijiet ta’ taxxi, suċċessjoni u miżati fuq propjetà skoprew snin wara li l-ħlasijiet tagħhom ma kienux saru min-nutar.

Il-Qorti sabet li minn dawn, kien hemm 17-il każ ta’ frodi li jinvolvu lill-eks nutar u li kienu qed jiġu investigati mill-Pulizija.

F’investigazzjoni minnhom, il-Pulizija sabet li Pierre Falzon kien ukoll involut fl-iffalsifikar ta’ firem ta’ medjatur u Imħallef f’każ ta’ separazzjoni. Madankollu dawn l-akkużi twaqqgħu wara li l-qorti qalet li setgħet biss tispekula dwar min kien l-awtur ta’ dawn il-firem foloz.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti sabet lil Pierre Falzon ħati tal-akkużi l-oħra kollha miġjuba kontrieh, li wassluha għal sentenza ta’ 5 snin ħabs, il-ħlas tal-ispejjeż biex jitqabbdu l-esperti tal-qorti filwaqt li ġie ordnat ukoll iħallas lura l-flus kollha li kien ħa bi frodi. Tneħħielu anke d-dritt li jerġa’ jikseb il-warrant ta’ nutar.

Il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lill-mara tiegħu, kif ukoll kumpaniji li kien involut fihom b’rabta mal-Att dwar il-Ħasil tal-Flus.