5 snin ħabs għal carer li sawwat lil anzjan f’San Vinċenz

Read in English.

Carer żagħżugħ weħel ħames snin ħabs għaliex instab ħati li ta daqqa ta’ ponn lil anzjan li suppost kien qed jieħu ħsieb.

Charlton Spiteri ta’ 27 sena ġie akkużat li weġġa’ lil anzjan ta’ 78 sena b’mod gravi. Dan ir-raġel kien resident fis-Sala Fatima 3 fir-Residenza ta’ San Vinċenz De Paule, mingħajr l-intenzjoni ta’ qtil. Ġie akkużat ukoll li hedded lill-vittma li jdejqu jew iweġġgħu, u li ġiegħel lil anzjan li kellu jieħu ħsieb isofri minn diffikultajiet fiżiċi jew mentali.

Il-każ ġara f’Awwissu tal-2018 ftit wara s-1pm, meta l-akkużat li kien xogħol ra lill-anzjan jipprova joħroġ minn soddtu. Huwa għajjat miegħu u qallu li jista’ joħroġ mis-sodda aktar tard waranofsinhar.

Spiteri qal lill-pulizija li l-vittma jaf weġġa’ inċidentalment mal-ħadid tas-sodda, jew li laqat id il-carer. Sostna li ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ feriti f’wiċċ il-vittma.

Il-vittma kien iddaħħal l-Isptar Mater Dei bi ġrieħi f’wiċċu meta nstab hekk minn infermiera. Il-pazjent kien qal li Spiteri kien dak li għamillu hekk, u għamel mossa li tindika li kien tah daqqa ta’ ponn. Fl-isptar sabu li kellu emorraġija f’rasu ġejja minn ferita trawmatika.

Ir-raġel kien miet dik is-sena minn pulmonite sever, qabel ma laħaq ta x-xhieda tiegħu lill-espert appuntat mill-Qorti. Pazjent ieħor spjega li ra lill-aggressur jagħti daqqa ta’ ponn lill-vittma erba’ darbiet ġo rasu. Dan il-pazjent beda jgħajjat ma’ Spiteri biex jieqaf. Il-verżjoni ta’ kif ġraw l-affarijiet skont il-carer ma tqisitx kredibbli mill-Qorti, ġaladarba ma qablitx ma’ verżjonijiet mogħtija minn xhieda oħrajn.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innutat li jekk l-anzjan kien qed jitwaqqaf milli joħroġ mis-sodda, ma kienx hemm bżonn li l-carer ikun vjolenti miegħu b’tali mod li kkawżalu emorraġija.

Il-Qorti ddeskriviet l-aġir tal-carer bħala wieħed xokkanti, inuman u krudili. Żiedet tgħid li l-aggressjoni sfruttat mill-vulnerabbiltà tal-vittma, peress li hu ma setax jiddefendi ruħu, jew jgħajjat għall-għajnuna.

Għaldaqstant, Spiteri ntbagħat il-ħabs għal ħames snin peress li l-Qorti sabitu ħati li weġġa’ lill-pazjent anzjan. Huwa ntalab iħallas €269.90 għal multi tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shawn Pawney.