Filmat: “5 sekondi ta’ skumdità waqt mammogram jistgħu jsalvawlek ħajtek”

Ottubru huwa x-Xahar tal-Għarfien tal-Kanċer tas-Sider.

Read in English.

Gertrude Abela ilha involuta fl-appoġġ tal-kanċer tas-sider minn meta kienet iddijanjostikata bil-kanċer tas-sider hija stess fl-1999 u ilha President ta’ Europa Donna Malta u membru tal-bord ta’ Europa Donna Europe għal aktar minn 10 snin.

Meta ġiet iddijanjostikata l-iżgħar wild ta’ Gertrude kellu biss 11-il sena u hija kienet għadha kemm saret nanna.

“Dak iż-żmien ma kont naf lil ħadd li għadda mill-kanċer tas-sider u għalhekk ħassejtni waħdi,” qalet Gertrude ma’ Newsbook.com.mt, “Bqajt ixxukkjata. U mbagħad sirt naf dwar il-Breast Cancer Support, kif kien jissejjaħ dak iż-żmien. Wieħed u għoxrin sena ilu n-nies verament ma ridux jitkellmu dwar il-kanċer tas-sider u kif jistgħu jgħinuha imma mbagħad kien hemm nies li riedu jitkellmu dwar liema huwa tajjeb għall-pazjenti l-oħra.”

Waħda mill-iktar affarijiet importanti li sabet Gertrude, hija li tibqa’ pożittiva u tipprova wkoll tibqa’  tidher tajba.

“Int trid tħossok tajba minn barra, anke jekk minn ġewwa tkun qed tħossok imdejqa,” qalet. “Hemm mumenti meta tibki u tibki. Imma jekk taqta’ qalbek mill-bidu mhux sew.”

Gertrude saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li n-nisa jkunu jaf sidirhom u jiċċekkjaw regolarment.

“Kultant, hemm sintomi li ma tħossomx; iżda b’mammogram, jistgħu jsibuha mill-bidu nett,’’ spjegat. “Tibżax. Vera li  huwa ftit skomdu, imma ftit sekondi, li mhuma xejn … u jistgħu jsalvawlek ħajtek.”

Europa Donna hija organizzazzjoni indipendenti mingħajr skop ta’ profitt li l-membri tagħha huma gruppi affiljati minn pajjiżi madwar l-Ewropa. Il-koalizzjoni taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider u biex timmobilizza l-appoġġ tan-nisa Ewropej fl-ippressar għal edukazzjoni mtejba tal-kanċer tas-sider, skrining xieraq, trattament mill-aqwa u finanzjament akbar għar-riċerka. Tirrappreżenta wkoll l-interessi tan-nisa Ewropej rigward il-kanċer tas-sider lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-kanċer tas-sider, it-trattament, l-effetti sekondarji, l-appoġġ ta’ pazjent iddijanjostikat jew ir-ritorn għall-ħajja normali wara t-trattament, tista’ ċċempel il-linja ta’ għajnuna ta’ Europa Donna Malta fuq it-tel. 99994666.

Intervista ta’ Coryse Borg. Traduzzjoni: Frederick Zammit