5 persuni mmultati €100

CMRU

Ħames persuni ġew immultati €100 wara li nstabu flimkien peress li mhux suppost ikun hemm gruppi ta’ nies ta’ aktar minn tlieta min-nies.

Fl-aġġornament ta’ kuljum dwar il-coronavirus, il-Gvern qal li ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fis-605 spezzjonijiet li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Il-Gvern qal li fadal 238 każ attiv tal-virus f’Malta. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li, għalkemm it-trażmissjoni lokali tidher li naqset, xorta l-pubbliku għandu jibqa’ jħares il-miżuri ta’ social distancing u jibqa’ ma joħroġx ta’ xejn mid-dar. L-istrateġija għat-tneħħija tal-miżuri, meta tidħol fis-seħħ, trid issir taħt monitoraġġ, bil-galbu u b’kawtela biex jiġi żgurat li l-imxija ma terġax tirranka.

€5.3 miljun mill-Ewropa għar-riċerka f’Malta

Malta ngħatat €5.3 miljun mill-Kummissjoni Ewropea biex jintużaw fil-Fond ta’ Riċerka u Żvilupp kontra l-COVID-19 li nħoloq mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Il-Fond se jkun iddedikat għal kumpaniji u riċerkaturi Maltin biex jagħmlu riċerka dwar il-virus, jiġu żviluppati tilqim jew mediċinali biex idewwu pazjenti mill-effetti tal-virus, għall-iżvilupp ta’ tagħmir mediku, diżinfettant u studji dwar l-imxija, fost l-oħrajn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn