5 persuni jitwaqqfu milli jitlajjaw għall-prostituzzjoni fil-Marsa

Read in English.

Ħames persuni twaqqfu milli jitlajjaw għall-prostituzzjoni fil-Marsa. Dan seħħ matul il-lejl li għadda meta l-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun issoktaw b’aktar rondi u spezzjonijiet, kemm fil-ġonna pubbliċi, kif ukoll fit-toroq fil-Marsa. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-persuni nstabu waqt spezzjonijiet fl-akwati ta’ Triq Belt il-Ħażna u fi Triq is-Salib tal-Marsa.

Fl-istess stqarrija l-Pulzija stqarret li bl-għajnuna tat-taqsima tal-klieb (K9) instabu xi pakketti żgħar, possibbilment bi traċċi ta’ sustanzi llegali. Dawn ġew ikkonfiskati mill-Pulizija waqt spezzjonijiet li saru fost l-oħrajn fi Ġnien Spencer u fi Ġnien Belvedere, fil-Marsa.

Waqt ronda fi Triq Belt il-Ħażna, ġew innutati vetturi abbandunati. Fuqhom twaħħlilhom notifika sabiex is-sidien tagħhom ineħħuhom minħabba l-periklu li qegħdin joħolqu u li jistgħu jkunu lok ta’ abbużi. Il-Pulizija tkellmu ma’ dawn is-sidien fejn spjegawlhom li l-vetturi jridu jitneħħew minnufih.

Għadd ta’ ħwienet miftuħin wara l-ħin bil-liġi

Il-Pulizija għamlu wkoll spezzjonijiet f’diversi ħwienet madwar il-Marsa, fejn dawk li kienu qegħdin joperaw wara l-ħin stipulat bil-liġi ntalbu sabiex jagħlqu minnufih. Ħwienet oħrajn madwar il-Marsa, li nstabu miftuħin u li kienu konformi mal-liġi, tħallew joperaw.

Fil-Ħamrun ġew spezzjonati wkoll ħwienet differenti, fejn dawk li nstabu joperaw barra mill-ħin stipulat bil-liġi ngħalqu. Saret ukoll spezzjoni fi Ġnien Oreste Chircop.

Intqal ukoll li waqt dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq ipparkkjar illegali.

L-Ispettur Matthew Galea, responsabbli mid-Distrett tal-Ħamrun qal li waqt ir-rondi huma tkellmu mal-pubbliku fejn ħeġġew lin-nies biex jekk ikollhom bżonn xi assistenza, iċemplu l-Għassa tal-Ħamrun biex ifittxu l-għajnuna.