Alarm Phone wissiet lil Malta u l-Italja biex ma jibqgħux jilagħbu bil-ħajja tan-nies, billi hemm ħames persuni f’periklu abbord dgħajsa fil-Baħar Mediterran.
Dalgħodu l-NGO kitbet li tilfet kuntatt ma’ dawn il-persuni mal-lejl, u ma tafx jekk irnexxilhomx isalvaw. Iċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni u Salvataġġ Malti informa lil Alarm Phone li hu konxju tas-sitwazzjoni. Hi appellatlu biex iwettaq l-obbligu tiegħu u jsalvaw lil dawn in-nies.
Ilbieraħ, l-NGO qalet li infurmat lill-awtoritajiet bil-ħames immigranti li jinsabu fuq dgħajsa żgħira bejn Malta u l-Italja. Kien hemm ukoll emerġenza medika abbord peress li persuna minnhom kellha bżonn dijaliżi.
Fuq Twitter, l-NGO qalet li qed tibża’ li se sseħħ xi traġedja, billi r-riħ u l-mewġ kienu qawwijin. Appellat lil Malta biex tintervjeni wara li wiġibha ċ-Ċentru ta’ Salvataġġ Taljan li qal li din hi responsabbiltà ta’ Malta għax id-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.