5 persuni b’multa ta’ €100

Ħames persuni ngħataw multa ta’ €100 wara li nstabu flimkien. Dan meta gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni jibqgħu mhux permessi minħabba l-pandemija.

F’aġġornament dwar il-coronavirus, il-Gvern qal li ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fl-408 spezzjonijiet li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Intqal li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali temmet eżerċizzju ta’ tqassim ta’ ikel lil persuni fil-bżonn, bħala parti mill-proġett ta’ state-funded food distribution. B’kollox tqassmu madwar 17,000 kaxxa ta’ ikel – 16,000 f’Malta u 1,000 kaxxa f’Għawdex – bin-nefqa totali tammonta għal €300,000. Bħala miżura kontra l-imxija tal-Covid-19, it-tqassim sar fir-residenzi rispettivi biex ma jkunx hemm iffullar.

Il-Gvern qal li 22,700 kilometru ta’ bankini nħaslu mill-ħaddiema tad-Diviżjoni għall-Manutenzjoni u Tindif bħala parti mill-kampanja ta’ diżinfettar kontra l-Covid-19. S’issa ntużaw aktar minn 1.5 miljun litru t’ilma fil-ħasil regolari ta’ 1,400 bus shelter, postijiet pubbliċi, ATMs u quddiem spiżeriji u stabbilimenti tal-ikel u supermarkets. Involuti f’din il-ħidma kontinwa hemm 100 ħaddiem li qed jaħdmu 24 siegħa kuljum matul il-ġimgħa kollha. Il-ħaddiema qed jingħataw maskri u lbies protettiv apposta u tħarrġu mill-Protezzjoni Ċivili dwar kif għandhom jiddisponu mill-ilbies fi tmiem ġurnata ta’ xogħol.