​5 pazjenti fix-xahar trasferiti bl-ambulanza tal-ajru

Il-ħelikopter tal-Vitals Global Healthcare (VGH) li joffri servizz ta’ Ambulanza tal-Ajru bejn Malta u Għawdex trasferixxa medja ta’ madwar ħames pazjenti fix-xahar minn kemm ilu jaħdem.
F’risposta għal Mistoqsija Parlamentari mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Frederick Azzopardi, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li minn meta ġie inawgurat is-servizz tal-Ambulanza tal-Ajru sal-10 ta’ Jannar 2018, inġarru total ta’ 53 pazjent.
Is-servizz tnieda f’Awwissu tal-2016 u ma ġarr l-ebda pazjenti sa’ Frar tal-2017. F’dan il-perjodu l-ambulanza tal-ajru għamlet 29 titjira ta’ taħriġ.
Is-servizz trasferixxa l-akbar ammont ta’ pazjenti  f’Lulju tal-2017 u Jannar ta’ din is-sena u l-inqas f’Novembru li għadda.
Kelliema għall-Ministeru tas-saħħa qalet ma’ Newsbook.com.mt li mill-bidu ta’ Jannar sal-15 ta’ Jannar 2018 inġarru tmien pazjenti bil-ħelikopter tal-VGH. Fil-Parlament, il-Ministru Fearne qal li f’Lulju tal-2017 inġarru tmien pazjenti wkoll.
Skont il-Ministeru għas-Saħħa, f’Novembru tal-2017 ma kienx hemm bżonn trasferimenti ta’ pazjenti.