5 modi kif tista’ tnaqqas il-kont tad-dawl u l-ilma

Raymond Sacco mill-Aġenzija tal-Ilma u l-Enerġija tkellem ma' Sonia Young waqt il-programm Insellimek fuq RTK, dwar l-użu għaqli tad-dawl u l-ilma.
Sacco fisser kif għalkemm kull dar għandha l-ħtiġijiet tagħha, skont l-istil ta' ħajja li wieħed jgħix, dan ma jfissirx li m’hemmx lok għal titjib fil-mod li nikkunsmaw id-dawl u l-ilma.
Ix-xogħol tal-Aġenzija huwa, fost oħrajn li tagħmel valutazzjoni fuq kemm qegħdin jikkunsmaw enerġija l-appliances fid-djar tagħna, kif ukoll tagħti pariri fuq kif jista’ jitnaqqas il-konsum. Pereżempju:

1. Ara li titfi ċ-chargers 
Hija prassi komuni li ċ-charger tal-mowbajl jew il-laptop jitħalla fil-plakka wara li dawn ikun ċċarġjati. F’dan il-każ, il-kurrent se jkompli għaddej u l-kont se jibqa' tiela’.
2. It-televixin mhuwiex mitfi!
Meta t-televixin jintefa mir-remote biss, jiġifieri jkun għadu mixgħul fuq stand-by, xorta waħda qiegħed jinħela l-elettriku.
3. Il-bozoz energy-saving m’hemmx għalfejn jintfew?
Ħafna jistaqsu: veru li jekk titfi l-bozoz energy-saving spiss tagħmel ħsara jew taħli aktar dawl? Sacco spjega kif illum il-bozoz energy-saving u l-LEDs avvanzaw sew u saru jdumu ħafna aktar biex jinqatgħu. Għalhekk, fejn tista' titfi, itfi.
4. Jaf qiegħed tħallas rata għolja milli suppost
Mal-kont tad-dawl nirċievu folja li ta' spiss ma nħarsux lejha. Din tinkludi informazzjoni importanti fosthom ir-rata li qiegħed tħallas għall-konsum tiegħek. Il-mod kif jinħadem il-kont tad-dawl u l-ilma huwa bbażat fuq kemm hemm imniżżel li jgħixu nies fid-dar. Dan għaliex, rati tad-dawl hemm sitta: aktar ma taħli għal kull persuna, kull ġurnata, aktar togħla r-rata.
L-inqas rata hi ta' 4 units għal kull persuna, kull ġurnata. Jekk taqbeż dan l-ammont, togħla r-rata li biha qiegħed tħallas il-konsum tal-elettriku. Fil-każ tal-ilma, l-inqas rata hi ta' 90 litru għal kull persuna, kull ġurnata.
5. Agħżel daqs tajjeb tal-waterheater
Għal familja ta' tliet min-nies, waterheater tal-50 litru huwa biżżejjed u b’hekk ma ssaħħanx aktar ilma milli għandek bżonn. Tajjeb ukoll titfi l-waterheater meta ma jkunx qiegħed jintuża, pereżempju waqt il-ħin tax-xogħol, biex ma jsaħħanx l-ilma bla bżonn. 
Sacco jemmen li wieħed m’għandux għalfejn jgħix skomdu biex jikkonsma anqas enerġija, iżda l-għan hu li nnaqqsu l-ħela, li hu ddeskriva bħala “flus mormija”
L-Aġenzija tal-Ilma u l-Enerġija toffri programm edukattiv fejn rappreżentamti jiġu fid-djar biex jagħtu parir kif wieħed għandu jnaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma. Għal aktar tagħrif tista' ċċempel fuq 22292575.