“1 minn kull 6 persuni li jidħlu fl-emerġenza huma barranin”

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan qal li bl-immigrazzjoni qed tiżdied id-domanda fl-isptar Mater Dei.
Waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK, Martin Balzan spjega li l-kotba tax-xogħol tal-ETC jindikaw li f’Malta jaslu l-aktar nies mill-Unjoni Ewropea.
Balzan spjega li għal kull sitt persuni li jidħlu fl-emerġenza, persuna minnhom tkun barranija.
Ir-rapport tal-ħidma ta’ Mater Dei
Balzan qal li r-rapport li ħareġ ftit tal-jiem ilu kien jirrappreżenta figuri ta’ kemm daħlu nies fl-emerġenza, kemm daħlu nies fis-swali u fl-outpatients department.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni kienet qalet li r-rapport ma fih l-ebda informazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-domanda tas-servizzi u s-servizzi provduti. Ir-rapport ma kienx fih figuri dwar kemm qed isiru operazzjonijiet.
“L-operazzjonijiet b’emerġenza żdiedu bi 2%”
Balzan spjega li l-operazzjonijiet b’emerġenza żdiedu bi 2% filwaqt li l-operazzjonijiet pjanati naqsu b’1%.
Tenna li filwaqt li l-mard qed jiżdied, in-numru ta’ operazzjonijiet baqa’ l-istess. Dan qed iwassal biex il-waiting list se tibqa’ tiżdied.
“Minkejja t-tobba ż-żgħar qed jiżdiedu, in-nies għall-operazzjonijiet qed jiżdiedu wkoll”
Balzan qal li minkejja t-tobba ż-żgħar qed jiżdiedu, in-nies għall-operazzjonijiet qed jiżdiedu wkoll.
Spjega li tabib suppost ikollu bejn 10 u 15-il pazjent f’idu, madankollu qed ikollu aktar.
Appella lill-Gvern biex ma jagħlaqx il-possibiltà li jkun hemm aktar promotions għax se jbatu n-nies.
Operazzjonijiet kull nhar ta’ Ħadd
Balzan qal li biex tonqos l-istennija għandek żewġ possibiltajiet li jew iġġiegħel lit-tobba jaħdmu aktar jew li jiżdiedu it-tobba.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne kien qal fil-Parlament, li minn dan ix-xahar bdew isiru operazzjonijiet skedati, mhux biss ta’ emerġenza, anke l-Ħadd.
Spjega li t-tobba jaħdmu l-Ħadd fuq bażi volontarja.
Tenna li kien hemm konkorenza mit-tobba imma mhux biżżejjed biex titnaqqas il-waiting list.
Temm jgħid li l-Gvern għandu d-dmir li jara li l-waiting list ma taqbiżx tliet xhur u sitt xhur.