5 Maltin oħra mistennija jaslu Malta mil-Libja llum

Grupp ta’ ħames Maltin mistennija jaslu Malta mil-Libja illum f’nofsinhar. Newsbook.com.mt huwa nfurmat li dawn il-Maltin se jkunu abbord vapur li fuqu hemm mat-800 persuna ta’ nazzjonalità Filippina.
Dawn ġew evakwati mil-Libja wara li l-Gvern tal-Filippini aċċetta li abbord dan il-vapur ikunu jistgħu jitilgħu persuni Maltin li jridu joħorġu mil-Libja.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li dawn il-ħames persuni iddeċiedew li jħallu l-Libja fl-aħħar mument hekk kif ingħataw din l-opportunità.
Kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkonfermat li b’kollox fil-preżent għad fadal madwar 35 persuna Maltija fil-Libja. Madankollu ppreċiżat li dan iin-numru m’huwiex wieħed eżatt għax dan qed jinbidel minħabba li numru ta’ Maltin xorta qed jiddeċiedu li jmorru lura lejn il-Libja. Dan minkejja l-appell tal-Gvern Malti huwa sabiex ħadd ma jmur lejn dan il-pajjiż.
Dawn il-Maltin qed jitilgħu il-Libja permezz ta’ titjiriet kummerċjali jew privata jew inkella permezz tal-katamaran. Huwa mifhum li dan qed isir l-aktar minħabba interessi kummerċjali fil-Libja.
Mal-wasla tagħhom f’Malta l-persuni Filippini se jibqgħu fuq il-vapur sakemm jasal il-ħin biex imorru l-ajruport internazzjonali ta’ Malta biex minn hemmhekk jaqbdu t-titjiriet lura lejn pajjiżhom.