5 Maltin arrestati għax “bagħtu żewġ opri tal-baħar lejn il-Libja”

Jingħataw il-libertà proviżjorja mill-Qorti

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Ħames Maltin ġew arrestati wara li allegatament bagħtu żewġ opri tal-baħar lejn il-Libja.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li investigazzjonijiet twal u intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu wasslu għall-arrest ta’ numru ta’ Maltin li allegatament kissru is-sanzzjonijiet li hemm imposti fuq il-Libja mill-Unjoni Ewropea (UE).

Il-ħames persuni tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak u wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. Huma ngħataw l-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet.

L-investigazzjonijiet bdew wara li l-Pulizija kellha informazzjoni li kumpanija reġistrata Malta, allegatament, esportat żewġ opri tal-baħar lejn il-Libja mingħajr l-awtoriżżazzjoni tal-awtoritajiet Maltin.

“Mill-istħarriġ li sar irriżulta li dan seħħ qrib Ġunju tas-sena l-oħra, wara li sar kuntratt kummerċjali bejn kumpanija Maltija u kumpanija oħra fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-kumpanija Maltija bagħtet l-imsemmija opri lejn il-Libja biex jintużaw għall-evakwazzjoni f’każ ta’ emerġenza fil-Libja tal-ħaddiema tal-kumpanija tal-Emirati Għarab Magħquda,” qalet il-Pulizija.

Is-Supretendent George Cremona, responsabbli mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra t-Terroriżmu qal li “f’dan il-każ partikolari, l-investigazzjoni prinċipali kienet fuq il-ksur ta’ sanzjonijiet fuq il-Libja, però b’enfasi speċifika fuq possibilment ħasil ta’ flus. Għaldaqstant qabel ma bdew il-proċeduri tal-Qorti, intalbet dik li tissejjah ‘attachment order’ li ġiet approvata mill-Qorti Kriminali.”

Arrestat sid ta’ kumpanija ta’ vapuri

Il-Ġimgħa waranofsinhar is-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra t-Terroriżmu ressqu l-Qorti ħamest irġiel Maltin. Dawn huma sid ta’ kumpanija ta’ vapuri ta’ 41 sena residenti l-Mellieħa u erba’ impjegati tal-istess kumpanija. Dan jinkludu żewġt irġiel ta’ 63 sena u 45 sena residenti l-Mellieħa, raġel ta’ 47 sena residenti l-Floriana, u ieħor ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar, kif ukoll inħarġu akkużi fil-konfront tal-istess kumpanija.

Ġew akkużati li bħala cittadini Maltin u tal-Unjoni Ewropeja u bħala kumpanija reġistrata f’Malta rispettivament, mingħajr awtoriżżazzjoni, biegħu, trasferew jew esportaw, b’mod dirett jew indirett, żewġ opri tal-baħar tal-għamla ‘RHIBS’ reġistrati Malta.

Is-Supretendent George Cremona qal li “t-talba tal-iffriżar tal-assi kemm fuq il-persuni kif wkoll fuq il-kumpanija intlaqgħet waqt li l-investigazzjonijiet għadom għaddejin. Fl-istess proċeduri se jsiru wkoll dawk li jissejhu Ittri Rogatorji sabiex informazzjoni meħtieġa tinġieb mill-pajjiżi konċernati b’mod formali u li tkun tista’ tintuża fil-proċeduri”.